Join Us On:

News Archive

IX-XENARJU TA’ NABUCCO TAT-TEATRU ASTRA JMUR L-ITALJA

JMJ_2644

It-Teatru Astra bi pjaċir kbir jħabbar li għal darba oħra qed jimmarka primat ieħor fl-isfera tal-opra lirika f’pajjiżna, permezz ta’ ko-operazzjoni ambizzjuża ġdida fuq livell internazzjonali, probabbilment, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.

Wara s-suċċess tal-opra Nabucco fit-23 u l-25 ta’ Ottubru 2014, fejn iż-żewġ dati kienu fully-booked, ix-xenarju u l-props li ġew mibnija mit-tim tal-backstage tat-Teatru Astra, ġew magħżula biex jintużaw għall-opra Nabucco li se tittella f’Rimini l-Italja.  L-opra se ssir ġewwa Rimini nhar l-1 u 3 ta’ Jannar 2015.  Il-produzzjoni se ssir ġewwa Stadio 105 Rimini li għandu seating capacity ta’ madwar 4000.

Ix-xenarju, ġie mibni minn tim ta’ voluntiera immexxija mix-xenografu tat-Teatru Astra Joseph Cauchi u l-operations manager Andrew Portelli, fuq disinni tar-reġista taljan Enrico Stinchelli.  Id-dettall u l-livell artistiku tal- mise-en-scène kellu tifħir u apprezzament kbir kemm mill-udejnża li segwiet il-produzzjoni kif ukoll fil-media lokali u dik ta’barra.

Ix-xenarju ħalla gżiritna ti triqtu lejn Rimini madwar xahar ilu u bħalissa tim ta’ tekniċi tat-Teatru Astra jinsabu fil-post jinstallaw is-sett. L-istess teknici ser jkunu wkoll responsabbli mill-operazzoni tal-istage waqt ir-rappreżentazzjonijiet.

Fuq livell nazzjonali, t-Teatru Astra jqis din bħala opportunità unika biex jiġu rreklamati Malta u Għawdex, speċjalment fl-isfera kulturali. Naturlament dan il-proġett huwa ġawhra oħra fil-kullana ta’ suċċessi tat-Teatru Astra li f’dawn l-aħħar snin kompla żied l-livell ta’ kwalità tal-opri li jtella’, li issa tpoġġieħ fuq l-istess binarji tat-teatri importanti fil-bliet Ewropej. Il-Ministeru għal Għawdex offra l-kollaborazzjoni tiegħu f’ dan il-proġett.

Fil-ġimgħat li ġejjin t-Teatru Astra se jkun qed jintensifika x-xogħol fuq l-opra tal-2015, La Bohème  ta’ Giacomo Puccini, li se tittella’ fid-29 u l-31 ta’ Ottubru 2015. Din l-opra se tkun l-attrazzjoni prinċipali tal-erbatax –il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.

Il-booking huwa miftuħ u jista’ jsir fuq 21550985. Aktar informazzjoni fuq on www.mediterranea.com.mt.

(Ritratti: Joe Attard)

JMJ_2945