Join Us On:

News Archive

IT-TIĠRIJIET TRADIZZJONALI…SUĊĊESS KBIR!

Din is-sena wkoll kellna novità għal matul il-festa Ġorġjana – it-tigrijiet tal-bhejjem fi Triq Repubblika jew kif ħafna jafuha Triq it-Tiġrija. Dawn it-tiġrijiet is-soltu jsiru s-Sibt wara nofsinhar u qabel anke kienu jsiru l-Ħadd, nhar il-festa. Din is-sena l-kumitat xtaq iniedi din l-idea ġdida u dawn l-avvenimenti tal-bhejjem, li wkoll għandhom posthom fil-festi lokali, jiġu organizzati matul il-lejl. Għaldaqstant il-kumitat li jieħu ħsieb dawn it-tiġrijiet ħaseb sabiex iżejjen u jdawwal it-triq ewlenija fil-belt Victoria bi dwal apposta u għall-kumdità ta’ kulħadd. Haga ohra innovattiva kien il-kummentarju b’mod dirett tal-gurnalista sportiv, Kenneth Vella, bniedem espert f’dan l-isport, li kompla zied fl-entuzjazmu tul 37 tigrija. M’hemmx dubju minn kif assistejna għal din l-attività li dawn it-tiġrijiet kienu ta’ suċċess kbir. Eluf ta’ dilettanti taż-żwiemel iltaqgħu sabiex jieħdu pjaċir jaraw dawn il-bhejjem itellqu bejniethom f’atmosfera verament sabiħa. Kulħadd baqa’ mistgħaġeb bin-numru verament kbir ta’ parteċipanti, kif ukoll ta’ nies li attendew. Huwa fatt li l-ebda festa fi gżiritna qatt ma rat numru daqstant kbir ta’ nies jattendu għal tiġrijiet bħal dawn. Kull rokna fi Triq ir-Repubblika, u anke numru kbir ta’ galleriji fosthom taż-żewġ każini u teatri ta’ beltna, kienu mimlija bin-nies li kienu qegħdin juru sodisfazzjon kbir għad-deċiżjoni għaqlija, ġdida u innovattiva li l-tiġrija ssir fil-għaxija. Din mela hija storja oħra ta’ suċċess fil-kalendarju tal-festi Għawdxin u b’mod partikulari fil-festa ta’ San Ġorġ, il-festa tal-festi.

Fl-aħħar tat-tiġrijiet ġew preżentati trofej u premijiet oħra mill-Onor. Ministru għal Għawdex Giovanna Debono kif ukoll mis-Sindku tal-Belt Victoria Robert Tabone. Preżenti wkoll waqt it-tiġrija u l-preżentazzjoni kien hemm bosta uffiċċjali tal-Kumitat La Stella fosthom l-istess President Dr. Joseph Grech.

Minn din il-paġna nixtiequ ngħidu grazzi u prosit lil Toni Farrugia, Charlie Zammit, Gorg Fenech u Raymond Caruana l-organizzaturi min-naħa tas-Soċjetà La Stella li tant iħabirku sabiex din l-attività tilħaq l-iskop kulturali u tradizzjonali tagħha, grazzi u prosit!! M’hemmx dubju li x-xogħol kostanti tagħhom issarraf f’dan is-suċċess kbir.

Ta’ min jgħid prosit kbir u grazzi mill-qalb lil dawn kollha li qegħdin jagħtu sehem sabiex il-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin tibqa’ festa per eccellenza bħal kull sena, festa li hija kampjun li fuqhom jimxu l-festi kollha.

ritratti: Joe Attard