Join Us On:

News Archive

IT-TIĠRIJIET TRADIZZJONALI: SUĊĊESS IEĦOR

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-kumitat responsabbli mit-tiġrijiet tradizzjonali fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella għażel li t-tiġrijiet isiru filgħaxija. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, din is-sena l-membri fi ħdan il-kumitat komplew jaħdmu biex anke fil-festa ta’ din is-sena dan l-avveniment jirnexxi. U tassew irnexxa, meta wieħed iqis li żdiedu kemm it-tiġrijiet, il-parteċipanti, kif ukoll l-attendenza!

M’hemmx dubju li dawn it-tiġrijiet saru l-aktar tiġrijiet popolari fi gżiritna. Dan mhux qed ngħiduh aħna, iżda kien fuq fomm dawk l-eluf ta’ dilettanti kbar li attendew il-bieraħ u li ħarġu ferm sodisfatti. Triq ir-Repubblika kienet ippakkjata bin-nies, li numru kbir minnhom ġew minn Malta biex isegwu għal aktar minn ħames siegħat dawn it-tiġrijiet. Fil-fatt, wieħed ma jridx jinsa jsemmi li kmieni filgħodu, saru numru ta’ vjaġġi extra mill-kumpanija ‘Gozo Channel’ biex ilaħħqu mal-eluf li attendew.

Bħalma ġara s-sena li għaddiet, tul it-tiġrijiet kellna l-kummentarju ta’ Kenneth Vella, kummentarju sportiv li għandu esperjenza kbira f’dan il-qasam. Kemm permezz tal-kummentarju kif ukoll tan-numru ta’ ‘big screens’ li kellna armati fi Triq ir-Repubblika, dawk preżenti setgħu jsegwu ferm tajjeb kull parti tat-tiġrija. Il-filmati ġew fdati f’idejn ‘Citadel Video Communications’.

Fi tmiem it-tiġrijiet il-Ministru għal Għawdex, flimkien mas-Sindku Robert Tabone preżentaw it-trofej lir-rebbieħa. Tul il-preżentazzjoni kien hemm preżenti wkoll membri tal-kumitat tat-tiġrijiet tradizzjonali kif ukoll membri tal-kumitat ċentrali tas-Soċjetà.

Bla dubju dan l-avveniment qed jikber sena wara sena, u qed ikompli jkabbar il-festi ad unur San Ġorġ Martri. It-tiġrijiet tradizzjonali tal-festa ta’ San Ġorġ, li għal kuntrarju ta’ festi oħra huma organizzati kollha kemm huma mis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, kisbu isem kbir u b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li saru l-akbar popolari fi gżiritna. Dan grazzi għall-ħidma kbira tal-membri tal-kumitat għal dawn it-tiġrijiet u għan-numru kbir ta’ sponsors li għenu mhux ftit biex dan kollu seta’ jkun possibbli.

15/07/2008

ritratti: Joe Attard