Join Us On:

News Archive

IT-TIENI EDIZZJONI TA’ ROCKASTRA

DSC_0024_stitch - Copy

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella għandha l-pjaċir tħabbar it-tieni edizzjoni ta’ ROCKASTRA, spettaklu mużikali mill-Banda La Stella flimkien ma’ għadd ta’ kantanti stabbiliti, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Sigmund Mifsud.  Is-Surmast Mifsud, li lejn tmiem l-2013 ġie maħtur bħala Assistent Surmast Direttur ta’ l-istess Banda, ma għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni fil-qasam mużikali u artistiku ta’ pajjiżna, l-aktar fejn tidħol l-organiżżazzjoni ta’ kunċerti u produzzjonijiet mużikali kbar.

Għadha friska f’moħħ kull min għexha, l-memorja ta’ l-ewwel edizzjoni ta’ ROCKASTRA li nżammet f’Ġunju tas-sena li għaddiet fi Pjazza Indipendenza.  F’dik il-lejla sajfija niftakru lill-Banda La Stella u lill-kantanti li ħadu sehem magħha, jippreżentaw lill-udjenza li mliet kull rokna ta’ Pjazza Indipendenza bi spettaklu mużikali mill-aqwa.

Il-Banda La Stella qed toffri lill-pubbliku ġenerali l-opportunita’ li jerġa jgħix din l-esperjenza maġika din is-sena wkoll, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju, fid-9.00pm, din id-darba fi Triq ir-Repubblika, il-belt Victoria.  Fil-jiem li ġejjin il-Banda La Stella ser tkun f’pożizzjoni li tħabbar aktar dettalji dwar il-programm kif ukoll dwar l-artisti li ser jipparteċipaw f’dan l-avveniment kbir.  L-edizzjoni ta’ ROCKASTRA għal din is-sena ser tkompli fejn ħalliet is-sena li għaddiet, u għaldaqstant ser tkun qed tassigura li tkompli tippromovi talent lokali promettenti f’dan il-ġeneru mużikali.

Għal darba oħra, ROCKASTRA ser tkun qed tipprometti li tiġi stabbilita bħala appuntament ewlieni u uniku fil-kalendarju mużikali, kulturali u turistiku ta’ pajjiżna.  F’dan id-dawl, il-fatt li d-data tas-6 ta’ Ġunju taħbat lejlet btala pubblika, għandu jiffaċilita lill-pubbliku Malti sabiex ikun jista’ jippjana aħjar li jaqsam il-fliegu għal dan il-kunċert grandjuż li d-dħul għalih huwa mingħajr ħlas.

DSC_0080 10268607_10203789627050475_293830772369188211_n