Join Us On:

News Archive

IT-TEATRU ASTRA B’SUĊĊESS FL-OPERA WORKSHOP FIT-TEATRU MANOEL

Behind the Opera Curtain hija inizjattiva edukattiva b’rabta mal-produzzjoni tal-Opra, li t-Teatru Astra daħal għaliha għall-ewwel darba s-sena li għaddiet. Dan il-workshop reġa’ żamm l-appuntament din is-sena, ftit aktar minn ġimgħa qabel l-ewwel rappreżentazzjoni ta’ La Boheme. L-opera workshop inżamm ilbieraħ it-Tlieta, 20 ta’ Ottubru, fl-istudio theatre tat-Teatru Manoel, il-belt Valletta, mit-Teatru Astra, bil-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta.

Fost il-parteċipanti, kien hemm il-protagonisti tal-produzzjoni ta’ din is-sena, fosthom il-Professur Joseph Vella, id-direttur artistiku tat-Teatru Astra, is-Sur Enrico Sinchelli, id-direttur artistiku ta’ La Boheme, il-contraltista Oana Andra, bass Gabriele Sagona u s-sopran minn Għawdex Miriam Cauchi

Il-Professur Joseph Vella tkellem dwar l-elementi li jagħmlu l-opra La Boheme speċjali, u dwar dak kollu li jiddistingwiha minn opri liriċi oħra tal-kompożitur kbir Giacomo Puccini. Huwa għamel referenza partikulari għall-fatt li, b’differenza għal opri oħra ta’ Puccini, La Boheme tibqa’ waħda mill-aktar impenjattivi u diffiċli mil-lat mużikali. Ma setax jonqos li jitkellem ukoll ir-reġista tal-produzzjoni, Enrico Stinchelli, li spjega d-diversi aspetti artistiċi involuti sabiex ikun jista’ jittella’ proġett kbir bħal dan. Huwa faħħar ħafna t-tradizzjoni ta’ eċċellenza li t-Teatru Astra jgawdi partikularment fil-qasam tax-xenarju, waqt li għamel referenza speċjali għall-fatt li x-xenarju li kien inbena apposta għall-produzzjoni ta’ l-opra Nabucco tas-sena li għaddiet fit-Teatru Astra tant intogħġob li ftit xhur wara intuza għall-produzzjoni ta’ l-istess opra ta’ Verdi f’Rimini, l-Italja.

Joyce Tabone mill-Media and Community Relations tal-Bank of Valletta faħħret l-inizzjattiva, li permezz tagħha l-organizzaturi qed ikabbru l-għarfien dwar din id-dinja faxxinanti tal-arti. Il-Bank of Valletta ilu jagħti l-appoġġ tiegħu lil Festival Mediterranea u l-opra organizzata mit-Teatru Astra mill-bidu nett, erbatax –il sena ilu.

Il-workshop ġie fi tmiemu bil-kant ta’ arias mill-opra La Boheme, mill-kontralt Oana Andra li ser tinterpreta r-rwol impenjattiv ta’ Musetta, mis-sopran popolari Għawdxija Miriam Cauchi, u mill-baxx Gabriele Sagona, wieħed miz-zewġ solisti li se jkunu qed jagħmlu d-debutt operistiku tagħhom f’pajjizna.

B’din l-attività ngħata bidu għall-erbatax -il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat mit-Teatru Astra, b’għadd ta’ avvenimenti ta’ natura kulturali, storika u edukattiva li jiġu fi tmiemhom fis-6 ta’ Diċembru. Festival Mediterranea, li qed jittella’ f’kollaborazzjoni ma’ Bank of Valletta, u l-Gvern ta’ Malta permezz ta’ Cultural Partnership Agreement.

Aktar informazzjoni dwar La Boheme jew dwar avvenimenti oħra f’rabta ma’ Festival Mediterranea tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-Festival www.mediterranea.com.mt, permezz ta’ email lil [email protected], jew fuq il-linji tat-telefon jew mowbajl +356 21 550 985 u +356 79256 897.