Join Us On:

News Archive

IS-SUR PAUL M CASSAR JINĦATAR PRESIDENT ONORARJU

Nhar is-Sibt 17 ta’ Novembru 2012 waqt il-kunċert annwali tal-Banda Ċittadina La Stella ġiet mħabbra l-ħatra tas-Sur Paul M Cassar bħala President Onorarju għal omru.
Isem is-Sur Cassar huwa sinonimu mas-Soċjetà u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Huwa serva diversi karigi fi ħdan is-Soċjetà, kemm bħala teżorier, kemm bħala segretarju ġenerali (meta din kienet l-ogħla kariga), u kemm bħala president. Infatti bejn l-1966 u l-1992 huwa kien is-segretarju ġenerali/teżorier tas-Soċjetà u fl-1993 kien inħatar president, liema kariga dam jokkupa għal sena.
Is-Sur Cassar kien parteċipi fuq quddiem nett fl-iżvilupp tal-istorja reċenti tas-Soċjetà kif ukoll tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, speċjalment fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Huwa kellu rwol importanti f’numru ta’ inizjattivi fil-parroċċa u fil-kisba ta’ħafna opri tal-arti li llum iżejnu dan it-tempju. Fosthom jispikka r-rwol tiegħu, flimkien ma oħrajn meta kien ġie inkarigat mis-Soċjetà Filarmonika La Stella biex tinħadem il-mazza kapitulari li ġiet irregalata mis-Soċjetà lill-Kapitlu ftit wara li kien ġie ffurmat. Fiż-żmien li s-Sur Cassar kien segretarju ġenerali inbena t-Teatru Astra, il-każin attwali u l-kumpless ta’ madwaru. Naturalment, kif qal hu stess waqt is-serata tas-Sibt, dan sar bl-għajnuna ta’ ħafna nies kemm fit-tmexxija tas-Soċjetà ta’ dak iż-żmien, kif ukoll bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera. Is-Sur Cassar kellu wkoll rwol importanti fl-armar tal-bidu tal-festa ta’ San Ġorġ, kif ukoll fl-arranġamenti li kienu saru biex il-festa tiġi trasferita għat-tielet Ħadd ta’ Lulju.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lis-Sur Cassar ta’ din il-ħatra. Bħalma qal hu stess s-Soċjetà u l-Parroċċa huma għalih it-tieni dar, huma l-postijiet fejn huwa “qatta l-aħjar snin ta’ ħajtu” snin ta’ servizz għall-imħabba lejn San Ġorġ u s-Soċjetà tiegħu. 

(Ritratti: Joe Attard)