Join Us On:

News Archive

IS-SOĊ. LA STELLA TIFRAĦ LIL MONS A. XUEREB

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tixtieq tingħaqad mal-kumplament tal-poplu Malti, iżda b’mod speċjali mal-Ġorġjani kollha, biex tifraħ lil kanoniku onorarju tal-kolleggjata Gorgjana, Monsinjur Alfred Xuereb għall-kariga ġdida tiegħu bħala Assistent Personali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI. Hu ser jieħu post Monsinjur Mieczyslaw Mokrzycki, li serva f’din il-kariga għal dawn l-aħħar ħdax-il sena mal-Papa Ġwanni Pawlu II u mal-Papa preżenti.

Monsinjur Xuereb, twieled fl-14 t’Ottubru 1953 fil-belt Victoria, u ġie ordnat saċerdot f’Mejju 1984. F’Lulju ta’ l-istess sena huwa ċċelebra l-“Prima Messa” fil-bażilika ta’ San Ġorġ ta’ beltna.

Minn qalbna nawguraw lil Mons Alfred Xuereb, saċerdot li mhux biss qed jagħmel unur lill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ beltna, iżda wkoll lil pajjiżna. Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ għandha tassew għax tħossha fortunata u onorata li saċerdot minn tagħha, ġie maħtur f’kariga daqstant prestiġjuża għall-Knisja Kattolika.

ritratt: Joe Zammit