Join Us On:

News Archive

IS-SIEGĦA TAL-MARTRI – NITĦEJJEW GĦALL-ANNIVERSARJU

 

poster

Is-Siegħa tal-Martri hu l-isem ta’ tliet ċelebrazzjonijiet ta’ katekeżi Ġorġjana li l-Parroċċa ta’ San Ġorġ qed torganizza bi tħejjija għall-festi speċjali tal-175 anniversarju ta’ l-Istatwa Titulari ta’ San Ġorġ (1839-2014), l-ewwel statwa titulari f’Għawdex, li jilħqu l-qofol tagħhom f’Lulju li ġej, meta ħa tinġab apposta minn Venezja r-relikwa prestiġjuża tad-Driegħ ta’ San Ġorġ.

It-tliet ċelebrazzjonijiet, ta’ sittin minuta-l waħda, sa jitmexxew mis-saċerdot żagħżugħ Dr Richard N. Farrugia, Segretarju Personali ta’ l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech u Għalliem tat-Teoloġija Morali fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, li sentejn ilu għamel il-priedki tat-Tridu tal-Festa ta’ San Ġorġ fil-Bażilika tagħna.

L-ewwel appuntament ħa jinżamm nhar is-Sibt li ġej, 1 ta’ Frar 2014, fit-8.00pm, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Fil-qafas tat-talba tal-Liturġija tas-Sigħat, li hi t-talba liturġika uffiċjali tal-Knisja, Dun Richard sa jagħti katekeżi qasira ispirata mill-istatwa tagħna.  Iċ-ċelebrazzjoni tintemm b’mument Ewkaristiku u ma ddumx iżjed minn siegħa!

L-ikonografija sagra – f’dan il-każ il-kapolavur fl-injam ta’ Pietro Paolo Azzopardi li juri x-xbieha ta’ San Ġorġ wieqaf rebbieħ jisħaq id-dragun – għandha ħafna x’tgħallimna.  U dan hu li sa jkun qed jagħmel Dun Richard f’dawn il-laqgħat: jgħinna nispiraw ruħna mill-qagħda u l-figura tal-Qaddis Patrun tagħna f’din l-istatwa devozzjonali u artistika tiegħu, meqjusa fost l-aqwa espressjonijiet ta’ l-idjoma neo-Klassika f’pajjiżna, biex nitħeġġu għall-istqarrija ferrieħa tal-fidi – “Evangelii gaudium”.

Il-parroċċa kollha hi mistiedna għal dawn it-tliet ċelebrazzjonijiet sbieħ li ħa jservu ta’ tħejjija spiritwali u pastorali għall-festi anniversarji li ġejjin.  Iż-żewġ ċelebrazzjonijiet l-oħra ħa jinżammu s-Sibt 22 ta’ Frar u s-Sibt 15 ta’ Marzu, dejjem fl-istess ħin u post.