Join Us On:

News Archive

IR-RABTA MAL-FESTA TA’ L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

L-aktar festa popolari fl-istaġun tax-xitwa fir-Rabat ta’ Għawdex hija mingħajr ebda dubju dik ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li l-Franġiskani Konventwali jiċċelebraw f’ġieħ l-Imqaddsa Verġni Marija nhar it-8 ta’ Diċembru.
 
Fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika t-8 ta’ Diċembru huwa s-solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija. Il-Franġiskani Konventwali kienu l-ewwel wieħed, fost l-ordnijiet reliġjużi tal-Knisja, li ppromova kemm felaħ it-twemmin fit-tnissil bla tebgħa tad-dnub oriġinali tal-Verġni Marija. F’Għawdex il-qima lejn il-Kunċizzjoni hi kkonċentrata fis-santwarju tagħha tal-Qala imma wkoll fi ħdan il-komunità tal-patrijiet Franġiskani tar-Rabat. Il-Franġiskani Konventwali għandhom is-sede tagħhom f’parti storika tal-belt Victoria, preċiżament fuq il-post fejn fl-imgħoddi kien hemm numru ta’ għerien abitati mill-istess irħieb. Il-misraħ ta’ San Franġisk jinsab fil-parti tal-lvant tar-Rabat, u meta nbena kien l-ewwel bini importanti ’l barra mis-swar tal-belt il-qadima tar-Rabat. Is-salib li nsibu fil-misraħ huwa tewmi ma’ dak li nsibu fuq Pjazza Tomba jew Misraħ Santu Wistin, u dawn iż-żewġt islaleb jimmarkaw it-tmiem taż-żona urbana, hekk li jekk wieħed iħażżeż trijangolu immaġinarju minn dawn iż-żewġ islaleb u jgħaqqadhom mal-Kastell, isib li fiċ-ċentru tinsab il-knisja protoparrokkjali tar-Rabat u ta’ Għawdex tiegħu ddedikata lil San Ġorġ Martri.
 
Ħjiel ta’ nomenklatura
Il-festa tal-Kunċizzjoni, li oriġinat fir-Rabat mal-patrijiet Franġiskani, twieldet u kibret fi ħdan komunità reliġjuża li kienet taqdi lill-parruċċani ta’ l-istess parroċċa li nsibu fil-qalba l-antika tar-Rabat. Sa mit-tnissil tal-festa esterna ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, il-poplu tar-Rabat li jgħammar f’dawn l-inħawi rabat qalbu ma’ din iċ-ċelebrazzjoni. Fost dawn l-abitanti kien hemm xi membri ta’ l-ewwel soċjetà mużikali tar-Rabat u ta’ Għawdex, mgħammda fl-1881 bl-isem La Stella Vincitrice. Hemm żewġ teoriji dwar l-oriġni ta’ l-isem tal-banda. Hemm dawk li jgħidu li hi ssejħet hekk minħabba fir-rabta tal-banda mal-kawża Taljana f’Għawdex; billi r-repubblika Taljana għandha l-istilla fl-istemma tagħha, il-pro-Taljani Għawdxin membri tal-banda għażlu l-istilla wkoll biex tkun fl-istemma tagħhom. Imma teorija oħra tgħid li din il-banda ħadet isimha mill-Immakulata Kunċizzjoni, li mhux biss hija “l-istilla tal-maltemp” imma wkoll il-Kewkba tal-Baħar, il-Kewkba ta’ fil-għodu. Jista’ jkun li hemm xi verità fiż-żewġ teoriji. Li nistgħu ngħidu fiċ-ċert huwa li sa mill-bidu tal-festa tal-Kunċizzjoni fir-Rabat, il-banda La Stella kienet dik li rabtet isimha għal dejjem magħha hekk li sal-lum din il-banda tieħu sehem attiv fil-festi esterni tal-Kunċizzjoni organizzati mill-patrijiet Franġiskani.
 
Rabta dejjiema
Ir-rabta sħiħa li teżisti bejn il-banda dekana La Stella tar-Rabat u l-Kunċizzjoni kompliet tissaħħaħ matul is-snin. Interessanti l-fatt li seħħ qrib is-sena 1925 b’rabta ma’ dawn iz-żewġ realtajiet u li xieraq li jkun imfakkar biex ikunu jafu bih il-ġenerazzjonijiet li telgħin. Jingħad li f’dik is-sena l-gwardjan tal-komunità Franġiskana ma tantx kien jissimpatizza ma’ omm il-baned Għawdxin u ried banda oħra biex titla’ fuq il-planċier u ddoqq fil-festa tal-Kunċizzjoni; aktarx li ma kienx midħla tat-temperament Għawdxi li għalih huma magħrufin in-nies tar-Rabat. Ovvjament l-abitanti ta’ Fejn San Franġisk xejn ma ħadu pjaċir b’din id-deċiżjoni tal-gwardjan li kienet teħodha kontra x-xewqat tagħhom u kontra t-tradizzjoni li kellhom. Dawn ftehmu u hekk kif dik il-banda barranija telgħet fuq il-planċier biex iddoqq dawn qabdu l-planċier u ġibduh minn taħt riġlejn il-bandisti hekk li dawn waqgħu ma’ l-art umiljati bil-mistħija. Kawża ta’ dan xi Rabtin li ħadu sehem f’dik il-bawxata ttellgħu l-qorti; minħabba li kien hemm ħafna minnhom il-maġistrat kellu jwaħħalhom sitt xhur ħabs. Hekk in-nies ta’ Wara San Franġisk baqgħetilhom “tas-sitt xhur”, titlu li sal-lum iħossuhom imkabbrin bih għax seddqilhom is-simpatija antika tagħhom lejn il-banda prinċipali ta’ gżiritina!
 
Rabta għal dejjem
Il-ġrajjiet ta’ l-istorja ta’ beltna mela juru r-rabta immortali bejn il-banda ċittadina La Stella tal-belt Victoria u l-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni.  Is-soċjetà La Stella għal żmien twil kienet ukoll il-benefattriċi waħdanija ta’ l-armar li kien jintuża f’din il-festa tal-Kunċizzjoni, self li kienet tagħmlu b’imħabba kbira u mingħajr ebda interessi. Aktar ma jgħaddu s-snin, għalhekk, din ir-rabta qiegħda dejjem aktar tissaħħaħ hekk li ebda tfixkil li tqanqal matul is-snin ma rnexxielu mqar idgħajjef dan l-irbit. Il-lum kull min jieħu sehem fil-festa tal-Kunċizzjoni tar-Rabat ma jistax ma jammirax is-sehem sħiħ tal-banda La Stella li bis-sehem tagħha tkabbar u żżid il-ġieħ ta’ din il-festa Marjana ċċentrata madwar l-istatwa artistika ta’ Salvatore Psaila, iż-żîna Marjana ewlenija ta’ beltna, ta’ gżiritina u ta’ pajjiżna.