Join Us On:

News Archive

“INSELLMULEK ĠORĠI TAGĦNA”

Bid-daqq tal-innu La Stella u l-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ, il-banda dekana fetħet l-impenji marbuta mal-festa tal-patrun ta’ beltna San Ġorġ, b’marċ brijuż minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb u intemm fi pjazza San Ġorġ – marċ li wassal għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa f’maqdes ippakkjat bin-nies. Dan jixhduh l-ammont sabiħ ta’ ritratti tal-fotografu Joe Attard li ta’ kuljum ser jgħaddielna ritratti mill-isbaħ biex jittellgħu fis-sit uffiċjali tagħna għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li qed iżuruna.

Il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari għal sena oħra kien ikkaratterizzat minn briju, kant u ċapċip mill-folla preżenti – entużjażmu kbir li deher fuq l-uċuħ tal-Ġorġjani kollha li attendew bi ħġarhom biex jaraw il-ġawhra tagħna ssib postha fiċ-ċentru tal-bażilika għal dawn il-jiem ta’ ċelebrazzjonijiet. Il-folla kantat mal-innijiet Ġorġjani b’mod speċjali l-innu marċ "Ġorġi tagħna" u l-innu reliġjuż Georgius Natus Est bil-versi mill-isbaħ tal-mibki Kan. Joe Meilaq u mużika tal-Prof. Joseph Vella. Hekk kif l-istatwa tfaċċat fil-bieb tal-bażilika fi preludju għal nhar il-Ħadd li ġej, jum il-festa, il-banda La Stella daqqet għall-ewwel darba l-innu popolari minn fuq il-planċier il-ġdid, armat għall-ewwel darba din is-sena – xogħol mill-isbaħ li l-ħidma fuqu ser tibqa’ għaddejja f’dawn il-ħames snin li ġejjin.

Filgħaxija kien imiss l-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa – dik bl-istatwa ta’ San Ġorġ li ttellgħet fi Pjazza San Franġisk. Hawn għal darb’oħra kulħadd issorprenda ruħu bl-attendenza kbira li kien hemm għal dan il-marċ, li l-popolarita’ tiegħu kompliet tikber sena wara sena. L-istatwa ttellgħet quddiem il-knisja ta’ San Franġisk fuq il-pedistall għoli tagħha fost briju kbir miż-żgħażagħ tagħna. Il-banda Ite ad Joseph  tal-Qala’ akkumpanjat din id-dimostrazzjoni li ntemmet bil-kbir f’nofs il-lejl. 

Illum ngħaddu għall-ewwel jum tat-tridu. Il-festi ta’ barra jkomplu bit-tieni dimostrazzjoni, ukoll ferm popolari, bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel li tibda fi Pjazza San Franġisk, tgħaddi għal Triq ir-Repubblika u tintemm fost briju grandjuż fi Pjazza San Ġorġ, fejn hemm quddiem il-maqdes Ġorġjan tittella’ din l-istatwa.

Aktar aġġornamenti u ritratti fil-ġranet li ġejjin.