Join Us On:

News Archive

INSELLMU LIL MONS. ANTON GRECH VELLA

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tixtieq tingħaqad mal-kumplament tal-komunità Ġorġjana biex tagħti l-aħħar tislima lil Mons. Anton Grech Vella li ħalliena l-bieraħ, fl-età ta’ 90 sena. Mons. Grech Vella miet fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex imdawwar mill-qraba tiegħu u minn saċerdoti mill-parroċċa tagħna fosthom l-Arċipriet Emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia.

Mons. Anton Grech Vella jibqa’ mfakkar mill-komunità parrokkjali Ġorġjana bħala benefattur ewlieni tal-bażilika u grazzi għall-ħidma infinita tiegħu matul is-snin illum ingawdu l-ġmiel ta’ tempju li għandna fil-qalba ta’ beltna. Għal dawn l-aħħar sentejn minħabba problemi ta’ saħħa huwa kien qed jgħix fid-dar tal-Fondazzjoni Arka. L-aħbar tal-mewt ta’ Mons. Grech Vella dehret dalgħodu fuq is-sit uffiċċjali tal-bażilika ta’ San Ġorġ. Minn din il-paġna, aħna wkoll nixtiequ nsellmu lil dan is-saċerdot maħbub, u nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu. Inħeġġu lill-membri kollha tal-komunità parrokkjali tagħna, u l-membri tas-Soċjetà “La Stella” biex jattendu għall-funeral ta’ dan is-saċerdot li ser isir illum.

Bejn it-3.30pm u l-4.30pm il-fdalijiet ta’ Mons. Anton Grech Vella ser ikunu fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani fi Triq Palma, biex imbagħad eżattament wara jibda’ l-korteo li jgħaddi minn Triq ir-Repubblika għall-bażilika ta’ San Ġorġ. Il-konċelebrazzjoni fil-bażilika ser tkun immexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata, bis-sehem tal-Kapitlu Ġorġjan. Il-konċelebrazzjoni ser tkun animata mill-kor tal-bażilika, “Laudate Pueri” taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.