Join Us On:

News Archive

INKOMPLU NIBNU FUQ IS-SUĊĊESSI LI KSIBNA

Messaġġ mill-President tas-Soċ. Filar. La Stella
Dr Joseph Grech
 
Għeżież partitarji tal-Istilla,
 
Inħoss li wara erba’ snin ta’ ħidma bħala President fi ħdan il-kumitat ħabrieki tas-Soċjetà maħbuba tagħna, jkun tajjeb li wieħed iħares lura u jagħmel analiżi reali u korretta ta’ dawk li kienu l-aċhievements u l-milestones li flimkien magħkom stajna nilħqu matul dawn l-erba’ snin. Kienu erba’ snin ta’ ħidma intensiva, erba’ snin fejn l-kumitat kollu għamel ħiltu kollha sabiex iġib ’l quddiem dak li kollha nemmnu fih – il-bandiera tal-Istilla u l-qaddis protettur tagħna San Ġorġ.
 
Ser nagħmel analiżi qasira ta’ dawk li kienu l-ħidmiet prinċipali matul dawn l-erba’ snin:
 
1.    Banda
Nibda minn dik li hija l-qalb tas-Soċjetà tagħna – il-Banda. Nemmen li lkoll naqblu li l-iżviluppi kbar li seħħew fil-banda matul dawn l-aħħar erba’ snin kienu impressjonanti u tassew kbar.
 
F’dik li hija kwalità zgur li rajna qabża kbira u dana grazzi għall-impenn totali u inkundizzjonat tal-bandisti kollha fis-setturi kollha tal-banda. Konvint li l-bandisti kollha għamlu sagrifiċċji kbar sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u jilħqu livelli ta’ eċċellenza, livelli ta’ kwalità li l-istess Surmast Direttur Prof. Joseph Vella jirreferi għalihom bhala benċhmark għall-baned l-oħrajn, kemm Għawdxin kif ukoll Maltin. Dan il-livell tant għoli huwa l-mira li bosta baned oħra f’pajjiżna għadhom iridu jilħqu u li jpogguh bħala l-għan tagħhom għall-futur.
 
Kien ukoll żmien li l-ammont ta’ servizzi baqa’ jiżdied u dana kien mera u turija ċara tal-kwalità tal-banda tagħna kif ukoll ċertifkat ta’ kemm il-banda tagħna hija rispettata u maħbuba fid-diversi lokalitajiet ta’ gżiritna. Mhuwiex sigriet li l-ebda banda oħra ma toħlom li tagħmel l-ammont ta’ servizzi li tagħmel il-banda tal-Istilla u dana huwa ta’ unur u sodisfazzjon għal kull min huwa nvolut fit-tmexxija tal-istess banda.
 
Kienu wkoll erba’ snin li b’ħidma kbira u kontinwa, rnexxielna nżidu diversi uċuh ġodda fil-banda. Nistqarr li ninsab personalment sodisfatt illi fil-banda tagħna llum għandna numru sostanzjali ta’ żgħażagħ li b’mod regolari jagħtu s-servizz tagħhom lill-banda. Dana kemm fis-sezzjoni tal-qasba – fejn l-ammont ta’ bandisti ġodda huwa kbir u fejn il-frott tax-xogħol tas-snin passati diġà jidher fiċ-ċar – kif ukoll fis-sezzjoni tar-ram fejn wara snin twal li ma kellniex bandisti ġodda, issa għandna numru inkoraġġanti ta’ bandisti li żgur saħħew u qed jgħinu lill-banda tagħna. Ma’ dawn irridu nżidu ukoll l-ammont kbir u dejjem jiżdied ta’ alljievi li mistennija jibdew idoqqu u għalhekk jiżdiedu mal-banda tagħna matul din is-sena u kif ukoll fis-snin li ġejjin.
 
Meta wieħed jagħmel analiżi, wieħed jirrejalizza li dawna ż-żewġ fatturi niżżlu ferm l-average age tal-banda tagħna. Dana ma jistax ma jimliex lilna l-membri tal-Kumitat b’sodisfazzjon. Inżid ngħid li personalment ninsab ferm sodisfatt li nistgħu nħarsu lejn futur ċert, futur sabiħ u futur kbir għall-banda u dana peress li fi żmien relattaviment qasir kienet kapaċi tirriġenera ruħha u tipprepara għas-snin li gejjin.  
 
2.    Festa
Il-kobor tal-festa tagħna llum il-ġurnata huwa fatt indiskuss. Matul dawn l-aħħar snin il-festa ta’ San Ġorġ baqgħet tikber b’mod mgħaġġel minn sena għall-ohra fl-aspetti kollha tagħha. Dana dejjem f’rispett lejn ħaddieħor u mingħajr offiżi u eċċessi.
 
Sotto Kumitati
Hawnhekk ma nistax ma nsemmix id-diversi sotto kumitati li b’ħidma koordinata mal-kumitat ġenerali ħadmu u qegħdin jaħdmu bla heda sabiex ikabbru l-festa ta’ San Ġorġ. Biżżejjed wieħed jiftakar fil-kwantità enormi u impressjonanti ta’ armar li nħadmet u ġiet introdotta fil-festa tagħna matul l-aħħar erba’ snin. Żgur li apparti l-armar l-ieħor kollu, wieħed ma jistax ma jsemmix ix-xogħol kbir li qed isir fuq il-planċier il-ġdid għall-banda u diversi opri oħra li huma vetrina ċara tal-ħiliet u l-eċċellenza li ntlaħqet fl-armar tal-festa ta’ San Ġorġ.
 
L-istess jista’ jingħad għal dak li jirrigwarda s-sezzjoni tan-nar. Illum bi pjaċir ngħidu li dan is-sotto kumitat qed jaħdem b’mod responsabbli, b’mod koordinat u li qiegħed iwassal sabiex minkejja li n-nar jiżdied minn sena għal oħra, l-ordnijiet ta’ l-istess nar jitħallsu kollha u ma jitħallewx djun minn sena għall-oħra.
 
Introduzzjoni oħra ferm interessanti kienet dik tat-tiġrijiet taż-żwiemel filgħaxija. Kienet mossa riskjuża, mossa li wħud ukoll kienu kontra tagħha – iż-żmien tana parir u dak li tal-Istilla introduċew ġewwa pajjiżna intogħġob tant illi anke l-Gvern għażel li jagħmel it-tiġrijiet tradizzjonali filgħaxija.
 
Ma nistax ma nsemmix ukoll liż-żgħażagħ. Il-briju li huma joħolqu matul il-festi esterni huwa fattur li jiddistingwina minn kull festa oħra. Dan il-briju ma jinxtarax bil-flus – huwa l-għira ta’ dawk li mhumiex f’pożizzjoni li jiġbdu warajhom il-masses, il-folol, l-eluf ta’ partitarji b’demmhom ibaqbaq għall-Patrun tagħna San Ġorġ. 
 
3.    Teatru
Tajjeb li niftakru li erba’ snin ilu, t-Teatru, wara l-ħruq estensiv u r-rinnovament li sar, kien lest bħala struttura iżda żgur li l-pagamenti dovuti kienu ferm ’l bogħod milli lesti! Sa minn dejjem emmint li l-investiment enormi li kien sar matul ir-restawr tal-istess teatru kellu jitħallas lura mill-qliegħ li jagħmel l-istess teatru. Kien mill-ewwel nett li beda xogħol intensiv sabiex jigi assigurat illi dan il-prinċipju bażilari f’kull azjenda kummerċjali u li trid li jkollha futur jiġi assigurat.
 
Opra u Festival Mediterranea
Il-bidu ovvju kienet l-opra u Festival Mediterranea. Sa mill-bidu nett il-Kumitat preżenti għamilha ċara li ma kienx aċċettabbli li l-każin jissusidja t-telf li ġieli għamlet l-opra fi snin passati. Bħala Kumitat ħdimna flimkien u llum bi pjaċir ngħid li fl-erba’ opri li ttellgħu kemm ilni President ta’ dan il-każin, l-opra dejjem ħalliet dħul. Huwa bi pjaċir ikbar li nħabbar li din is-sena, wara ħidma kbira wasalna ukoll sabiex id-dħul minn Festival Mediterranea kien wieħed tajjeb u inkoraġġanti. Ma’ inżidu ukoll li fl-istess waqt il-Kumitat ma għamel ebda kompromessi mal-kwalità u di fatti għal darb’oħra Joseph Ċalleja – li llum huwa meqjus fost l-aqwa tenuri fid-dinja – reġa’ kanta fit-teatru tagħna bħala parti minn Festival Mediterranea.
 
Rappreżentazzjonijiet Diversi
L-istess jista’ jintqal fuq id-diversi rappreżentazzjonijiet li ttellgħu matul dawn l-aħħar snin fit-teatru tagħna. Il-Kumitat preżenti dejjem għażel li jinġieb l-aqwa talent – Amedeo Minghi, Zoo, Barney, diversi rapprezentazzjonijiet ta’ żfin etċ. li filwaqt li żiedu u għollew il-livell tat-teatru Astra kollha ħallew il-qliegħ aċċettabli għall-każin.
 
Folk Group
Kienu snin ukoll ta’ suċċess għall-Folk Group tagħna fejn l-istess grupp baqa’ jiżdied fin-numru, fis-servizzi u fil-kwalità tiegħu. It-tifħir li rċieva dan l-istess grupp minn diversi pajjiżi u minn diversi entitajiet huwa ta’ kuraġġ u prova ċara tal-kwalità li dawn il-voluntiera qegħdin iwettqu sabiex ikomplu jkabbru l-isem tagħna kemm f’Għawdex, f’Malta kif ukoll madwar diversi partijiet tad-dinja.
 
Skola taż-Żfin – Yada Dance Company
Huwa ukoll b’sodisfazzjon li minn din is-sena ukoll il-Yada Danċe Ċompany – isem sinonimu maż-żfin ġewwa pajjiżna – għażlet li tistabbilixxi l-iskola u l-bażi tagħha ġewwa Għawdex preċiżament ġewwa l-każin tagħna. Dana ma jistax ma jibqax iżid il-kwalità u l-image tal-każin tagħna. Huwa ferm mixtieq u anke mistħoqq illi dina l-iskola tibqa’ tkabbar ir-reputazzjoni kbira li diġà għandu t-teatru tagħna b’rappreżentazzjonijiet diversi kif ukoll billi aktar nies jersqu lejn il-każin tagħna għat-tagħlim.
 
Proġetti oħra
Diversi proġetti oħra diġà qegħdin fil-pipeline u jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Nispera u nawgura li fil-Laqgħa Ġenerali li jmiss, jkunu jistgħu jitħabbru diversi minn dawn il-proġetti li żgur ser ikunu ta’ benefiċċju kbir għall-każin speċjalment f’dawk li huma r-rappreżentazzjonijiet teatrali li jsiru minn żmien għal żmien.
 
4.    Faċċata
Xewqa ta’ diversi bandisti u partitarji kienet dik li tara l-faċċata tal-każin tagħna titlesta. Diġà għandna faċċata unika u li ġġib l-għira ta’ tant nies. Pero` tonqos l-parti ta’ fuq tal-bronż. Bi pjaċir ngħid illi d-disinn huwa kważi lest u l-finanzjament għall-bronż li għandu jsir huwa diġà kommess da parti ta’ żewġ partitarji.
 
B’hekk il-faċċata li ilha ukoll tistenna żmien twil sabiex titlesta ser tkun ukoll kompluta fi żmien qasir u b’hekk inkompli dejjem aktar inkunu l-għira ta’ kull min, biex jagħmel festa, huwa kostrett li jgħaddi minn quddiem il-każin tagħna u jara l-grandjożità tal-istess Soċjetà La Stella.
 
5.    Membri tal-Kumitat
Kien żmien ukoll fejn il-membri tal-Kumitat kollha ħadmu bla heda għall-ġid komuni tas-Soċjetà La Stella. Kien żmien fejn minkejja d-diversi mumenti diffiċli l-istess Kumitat qatt ma ċaħad il-prinċipji bażiċi li jwaqqfu din is-Soċjetà` u li kkontradistingwew l-istess Soċjetà La Stella. Nixtieq minn hawn nirringrazzja lil dawk kollha, sħabi membri tal-Kumitat, li taw il-ħin tagħhom, b’sagrifiċċji personali kbar, sabiex ikomplu jkabbru l-isem tas-Soċjetà tagħna.
 
Dawn il-valuri, l-prinċipji li tħaddan is-Soċjetà, kienu kwalitajiet li għallmuna u ħallewlna bħala eredità dawk il-membri tal-Kumitat li servew għal żmien twil u li sfortunatament ħallewna matul l-aħħar erba’ snin. Hawn ma nistax ma niftakarx b’niket f’Anton Vella, membru tal-Kumitat Ġenerali għal iktar minn erbgħin sena kif ukoll il-Kappillan tal-Banda, l-Arċipriet Emeritu, Mons. Salv Borg. Kienu żewġ personalitajiet li l-imħabba u l-lealtà tagħhom lejn il-prinċipji li jmexxu lis-Soċjetà ma kienu qatt mittiefsa.
 
Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom tat-tagħlim li huma tawna matul iż-żmien li kienu magħna u nitlobhom li jżommu għajnejhom fuqna lkoll sabiex qatt ma niċħdu dawk il-prinċipji li lilna għamluna kbar, żammewna kbar u poġġewna f’pożizzjoni ta’ għira għal kull min mhux membru magħna.
 
Nagħlaq billi nagħmel appell lilkom il-partitarji sabiex hekk kif dejjem sostnejtuna tkomplu tgħinuna fil-ħidma kontinwa tagħna u dana sabiex nassiguraw li s-Soċjetà Filarmonika La Stella tibqa’ tħares il-prinċipji tagħha, tibni fuq il-valuri li hija msejsa fuqhom u taħdem bla heda sabiex tkompli dejjem tikber u tkabbar isem il-Patrun tagħna San Ġorġ Martri.