Join Us On:

News Archive

ĠIMGĦA TA’ IMPENJI GĦALL-BANDA LA STELLA

F’dawn l-erbat ijiem li ġejjin, il-banda tagħna ser tkun impenjata kuljum. Bejn illum u għada ser isiru l-aħħar żewġ kunċerti bi preparazzjoni għall-Programm Mużikali li ser jittella’ nhar is-Sibt li ġej fit-8.00pm ġewwa Pjazza Indipendenza, u għar-rekording tal-marċi tal-festa li ser isir l-għada l-Ħadd filgħodu fit-Teatru Astra.

Il-kunċerti ser ikunu mmexxija mis-surmast direttur tal-banda il-Prof. Mro Joseph Vella. Fil-kunċert tal-lum ser issir il-prova ġenerali tal-marċ brijużi tal-festa li ser jiġu rrekordjati fuq CD, li għandu joħroġ għall-bejgħ fil-ġimgħat li ġejjin, qabel il-festa ad unur San Ġorġ Martri. Imbagħad il-kunċert ta’ ghada ser iservi bħala prova ġenerali għall-Programm Mużikali ta’ l-għada s-Sibt fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria.

Is-Sibt filgħaxija l-Programm Mużikali ser jibda fit-8.00pm. Flimkien mal-banda tagħna ser tieħu sehem ukoll il-banda l-oħra tal-belt – il-banda ‘Leone’. Kif semmejna diġà fil-ġranet li għaddew, kull banda għażlet li ddoqq tliet siltiet mużikali, flimkien ma’ l-innijiet tal-baned, l-innu lil Għawdex u l-innu Nazzjonali. Inħeġġu lir-Rabtin kollha biex ma jitilfux din l-okkażjoni u fuq kollox lill-partitarji tal-banda tagħna, biex bħal dejjem ikunu viċin tagħna u jinkoraġġuna bil-preżenza tagħhom.

L-għada l-Ħadd, il-banda terġa’ tiltaqa’ filgħodu għar-rekording tal-marċi, u mbagħad filgħaxija jkun imiss servizz ieħor, din id-darba fl-okkażjoni tal-festa tal-Corpus iċċelebrata fir-raħal ċkejken ta’ l-Għasri. F’din l-okkażjoni l-banda ser tagħmel marċ qabel il-purċissjoni; iddoqq l-innu fil-ħruġ tagħha; u mbagħad bħal dejjem takkumpanja l-purċissjoni devota bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi. Dan ser ikun it-tieni servizz fil-festi sajfin, wara dak li sar fil-Munxar fl-okkażjoni tal-festa ad unur San Pawl.