Join Us On:

News Archive

ILLUM JIXXANDAR ‘XARABANK’ MIT-TEATRU ASTRA!

Wara li nhar il-Ħamis 8 ta’ Mejju filgħaxija ġie rrekordjat il-programm popolari ‘Xarabank’ għall-ewwel darba mit-Teatru Astra, dan il-programm ser jixxandar bħal dejjem fuq l-istazzjon TVM, illejla wara l-aħbarijiet tat-8.00pm. Il-programm tant segwit ta’ qabel il-Eurovision Song Contest qed jixxandar għall-ewwel darba mill-gżira Għawdxija, u l-kumpanija ‘Where’s Everybody’ għażlet it-teatru tagħna biex minnu xxandar dan il-programm. Fil-programm li ser taraw illejla, immexxi minn Peppi Azzopardi, kien hemm mistiedna bla dubju l-ambaxxatriċi Maltija fil-Eurovision Song Contest, Morena li kantat il-kanzunetta rebbieħa ‘Vodka’. Mistiedna magħha kien hemm ukoll diversi familjari, il-kompożitur u l-awtur tal-kanzunetta ‘Vodka’, Philip Vella u Gerard James Borg rispettivament u membri tal-kumitat tal-‘Malta Song’. Kif kien mistenni t-Teatru Astra kien ippakkjat għal din l-okkażjoni unika. Tul il-programm, li kien wieħed mill-aktar divertenti pparteċipaw ukoll diversi kantanti Maltin u Għawdxin fosthom ir-rebbieħa tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa 2007, Olivia Lewis.

Kif semmejna wkoll aktar kmieni fuq dan is-sit, kien ta’ sodisfazzjon kbir li kumpanija televiżiva rinomata għażlet it-Teatru tagħna biex minnu xxandar il-programm ‘Xarabank’ – il-programm li sena wara sena huwa l-aktar programm segwit f’pajjiżna.

Minn din il-paġna, nixtiequ wkoll nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil kull min ħadem biex dan il-programm seta jixxandar mit-teatru tagħna. Nixtiequ wkoll minn hawn, nawguraw kull suċċess lill-kantanta Għawdxija Morena fil-Eurovision Song Contest 2008, ġewwa Belgrade. Awguri Morena!

16/05/2008