Join Us On:

News Archive

ILLEJLA T-TIENI ‘RIGOLETTO’

Wara s-suċċess kbir fl-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra Rigoletto nhar il-Ħamis li għadda, kollox jinsab lest biex illejla tittella’ t-tieni rappreżentazzjoni tal-istess opra fit-Teatru Astra. Għall-opra tal-lejla għal darb’oħra t-teatru ser ikun ippakkjat. Fil-fatt kif kien mistenni l-aħħar ftit biljetti nbiegħu kollha f’dawn l-aħħar ġranet. L-opra Rigoletto ser tittella’ taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President tar-Repubblika Dr George Abela. Għall-opra tal-lejla fost il-mistednin distinti ser jattendi wkoll il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi.

L-opra Rigoletto qed tittella’ bil-parteċipazzjoni ta’ Peter Danailov (Rigoletto); Antonino Interisano (Duca di Mantova); Miriam Cauchi (Gilda); Emilia Boteva (Maddalena) u Franco de Grandis (Sparafucile) fil-partijiet ewlenin. Jieħdu sehem ukoll il-kor tat-teatru Astra taħt id-direzzjoni ta’ Dr Maria Frendo u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Id-direzzjoni artistika hija f’idejn it-Taljan Mario Corradi.

Intant fil-ġranet li għaddew fuq is-sit uffiċjali tat-teatru Astra u ta’ Festival Mediterranea tħabbret l-opra La Traviata li ser tittella’ fit-teatru tagħna fit-28 u t-30 ta’ Ottubru 2010. Il-booking fetaħ proprju nhar il-Ħamis li għadda. L-ewwel biljetti diġa’ bdew jinbiegħu. Wieħed jista’ jakkwista l-biljetti għall-opra Verdjana La Traviata permezz tal-online booking jew billi jċempel fuq 9988 3007.