Join Us On:

News Archive

IL-PUBBLIKAZZJONI TAL-FESTA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella matul is-sena tkun impenjata wkoll b’numru sabiħ ta’ pubblikazzjonijiet li jinkludu r-rivista uffiċjali tas-Soċjetà "ta’ l-iStilla"; il-kotba marbuta ma’ Festival Mediterranea u l-opra; u fuq kollox il-pubblikazzjonijiet marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ. Għall-festa ta’ din is-sena s-Soċjetà Filarmonika La Stella ser tippubblika s-36 ħarġa ta’ Festi San Ġorġ 2010.  

Din il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-festa bħal kull sena tiġbor fiha numru tajjeb ta’ artikli miktuba minn diversi kontributuri – artikli dwar San Ġorġ, il-patrun ta’ beltna u ta’ gżiritna; artikli dwar is-Soċ. Filar. La Stella u l-għaqdiet li jaqgħu fi ħdanha u bla dubju artikli marbuta mal-istorja. Ma jonqsux artikli marbuta ma’ numru ta’ anniversarji Ġorġjani u ovvjament fuq l-erbgħin anniversarju tal-Prof. Joseph Vella bħala surmast direttur tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella. Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll erba’ messaġġi mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex; Mons. Pawlu Cardona, arċipriet; is-sur Paul Zammit, president tas-Soċjeta’; u Mons. Ġużeppi Farrugia, direttur spiritwali.

Din il-pubblikazzjoni għal sena oħra bi preżentazzjoni mill-isbaħ kienet possibbli grazzi għal dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom permezz tal-artikli u fuq kollox dawk il-persuni u l-aġenziji li għażlu li jirreklamaw magħna. Għas-sitt sena konsekuttiva l-editur ta’ dan il-ktieb uffiċjali tal-festa kien George Apap mgħejjun minn Francesco Pio Attard. L-artwork tal-qoxra tal-ktieb li din is-sena turi l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex, sar minn Richard Grech b’ritratt ta’ Joe Attard. 

Il-ktieb jista’ jiġi akkwistat mill-każin La Stella minn nhar l-Erbgħa 14 ta’ Lulju.