Join Us On:

News Archive

IL-KUNĊERT ANNWALI FUQ L-GĦATBA





Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-belt Victoria bħalissa għaddejja bl-aħħar tħejjijiet għal wieħed mill-avvenimenti ewlenin tas-sena: il-Kunċert Sinfoniku Annwali tagħha.  Dan il-kunċert, nhar is-Sibt li ġej, 21 ta’ Novembru 2009, fis-7.30pm, jagħlaq bil-kbir it-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, li inkludiet fost l-oħrajn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ l-opra lirika ta’ Giuseppe Verdi, Rigoletto.

Bħalissa l-mużiċisti kollha tal-Banda Ċittadina u Dekana La Stella huma impenjati bl-aħħar provi, li jwasslu fi tmiemu proċess twil ta’ tħejjija mużikali li ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur, taħt il-bakketta tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella.  Fil-fatt il-lejla stess u għada mistennija jsiru l-aħħar żewġ provi fis-Sala tal-Kunċerti li għandha s-Soċjetà fil-każin tagħha fi Triq ir-Repubblika.

L-għażla ta’ biċċiet mużikali li għandhom jindaqqu fil-kunċert ta’ din is-sena hi waħda impenjattiva u esiġenti, li, għalhekk, titlob banda tajba bħalma hi La Stella biex tesegwihom b’attenzjoni u metikolożità.  Fil-lista ta’ siltiet wieħed jilmaħ tiżwiqa klassika mill-ifjen ta’ xogħlijiet ċelebri flimkien ma’ oħrajn iżjed moderni.  Żgur li l-attrazzjoni tas-serata sa terġa’ tkun l-eżekuzzjoni ta’ l-1812 Overture ta’ Tchaikovsky li, wara s-suċċess li l-banda għamlet biha fil-kunċert ta’ Jum San Ġorġ, li sar fi Pjazza San Ġorġ iktar kmieni f’April ta’ din is-sena, issa sa terġa’ ssemmagħhielna, din id-darba fis-sala sabiħa u artistika tat-Teatru Astra.

Dawk li jħobbu l-mużika sinfonika kif ukoll il-pubbliku kollu huma mistiedna għall-Kunċert Sinfoniku Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella għas-sena 2009, b’dan il-programm:

Estudiantina

Émile Waldteufel

Thriller [Tribute to Michael Jackson]

Rod Temperton (arr. Jay Bocook)

Fortuna Imperatrix Mundi (from Carmina Burana)

Carl Orff (arr. Jay Bocook)

 
I Pescatori di Perle

Georges Bizet (arr. Giuseppe Giardini Vella)

 

Marche Slave

Pyotr Ilyich Tchaikovsky

 

1812 Overture

Pyotr Ilyich Tchaikovsky