Join Us On:

News Archive

IL-KOR PICCOLE STELLE B’KUNĊERT IEĦOR STUPEND GĦAL ŻMIEN IL-MILIED

Il-maltemp u r-riħ qawwi tal-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru – Jum ir-Repubblika – filgħaxija ma rnexxilux ifixkel lill-pubbliku numeruż li mela l-Bażilika ta’ San Ġorġ għat-tielet edizzjoni ta’ Carolling Christmas imtellgħa b’tant ħila mill-Kor Piccole Stelle tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard u b’Ms Anna Rapa fuq il-pjanu.

Il-kor ta’ fuq tletin tifel u tifla bejn il-ħamsa u t-tnax-il sena ppreżenta tlettax-il għanja sabiħa tal-Milied, uħud klassiċi u oħrajn moderni, u b’lingwi differenti, fosthom il-Malti. Fl-interpretazzjoni eċċellenti ta’ dawn is-siltiet, ħarġet il-ħila mużikali li fiha qed jiġi mħarreġ il-kor mid-direttriċi brava u żagħżugħa tiegħu, espost ukoll għal għarfien ġdid fil-qasam tal-mużika kif ukoll bosta strumenti mużikali. Matul is-sena jsiru provi kull ġimgħa fit-Teatru Astra, u l-kor jiġi mistieden jieħu sehem f’inizjattivi bi stili oħra ta’ mużika u teatru, bħalma huma musicals u opri.

Fl-istess kunċert inqaraw ukoll żewġ poeżiji tal-Milied, biex ikomplu jżewqu l-messaġġ ta’ ferħ u għaqda li l-Kor Piccole Stelle xtaq iwassal lill-pubbliku permezz ta’ dan il-kunċert ħelu tiegħu.

Matul il-kunċert ippreżenta Francesco Pio Attard.

(Ritratti: Joe Attard)