Join Us On:

News Archive

IL-KARNIVAL F’GĦAWDEX

Wara li ċ-ċelebrazzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew imħassra minħabba l-maltemp, il-karnival fi gżiritna jkompli għada bi sfilata fi Triq ir-Repubblika li tilħaq il-qofol tagħha fi Pjazza Indipendenza. Fil-fatt il-karru trijonfali tas-Soċjeta’ La Stella bl-isem: Pirati u Gladjaturi: tal-Mużika l-aqwa unuri! ser jagħmel l-ewwel dehra tiegħu proprju għada f’beltna, wara xhur sħaħ ta’ ħidma min-numru kbir ta’ żgħażagħ. Dan il-karru li qed jieħu sehem f’kategorija A tal-Karrijiet Trijonfali ser jieħu sehem ukoll fil-karnival f’xi rħula Għawdxin fosthom dak tan-Nadur (il-Ħamis 18 ta’ Frar filgħaxija), tax-Xagħra (Il-Ġimgħa 19 ta’ Frar filgħaxija). Imbagħad lura fil-belt Victoria, il-Ħadd 22 ta’ Frar, u fl-aħħar jum tal-Karnival – it-Tlieta 24 ta’ Frar.

Mal-karru li huwa maħdum fuq disinn ta’ Manuel Buhagiar, u l-aħwa George James u Michael Cutajar Zahra, ser ikollna wkoll żifna b’koreografija ta’ Jessica Zammit. Il-kostumi li qed jikkumplimentaw il-karru grandjuż ġew meħjuta minn Kolina Attard.

Nittamaw dejjem li t-temp din id-darba jippermetti, biex dak kollu li ż-żgħażagħ tagħna ilhom jaħdmu għalih jitgawda. Nawguraw lil dan il-grupp ħabrieki fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna kull suċċess. Aktar aġġornamenti mill-Karnival f’Għawdex fil-ġranet li ġejjin.

17.02.2009