Join Us On:

News Archive

IL-ĠIMGĦA MQADDSA

Din il-ġimgħa hija waħda mportanti ħafna fil-kalendarju liturġiku, fejn fiha nfakkru bl-aktar mod solenni il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu, kif ukoll il-Qawmien mill-Imwiet nhar l-Għid il-Kbir.

Illum stess fil-Bażilika ta’ San Ġorġ se ssir ċelebrazzjoni speċjali tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem “Għandi l-Għatx” bħala parti mill-Proġett “Fejn hu Ħuk?”.  Iċ-Ċelebrazzjoni tibda fis-7pm.  Għada mbagħad jkollna Ħamis ix-Xirka bil-funzjoni  fil-6.30pm u wara Translazzjoni solenni bis-Sagrament Imqaddes lejn l-Altar tar-Ripożizzjoni.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira l-funzjoni tkun fit-3pm fejn issir il-Liturġija Solenni b’tifkira tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej.  Jekk it-temp jippermetti, dritt wara tibda ħierġa l-Purċissjoni antika, devota u penitenzjali tal-Passjoni (Pre-1788) bil-Kurċifiss mirakuluż, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi (1848).  Il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella se tkun qed takkumpanja l-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi funebri.

Il-funzjonijiet ikomplu s-Sibt, fil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, bil-liturġija solenni tibda fit-8.30pm. Nhar l-Għid il-Kbir fid-8.45am ssir il-purċissjoni solenni bl-istatwa artistika ta’ Kristu Rxoxt (Alfred Camilleri Cauchi 1997) għal darba oħra bis-sehem tal-Banda Ċittadina u Dekana La Stella.  Fil-11am imbagħad ikun hemm konċelebrazzjoni pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata, bis-sehem tal-Kapitlu u l-Kleru tal-Bażilika.

Minn din il-paġna nixtiequ Għid qaddis lilkom li ssegwuna u nħeġġukom tattendu għal dawn il-mumenti sbieħ fil-parroċċa tagħna.

(Ritratt: Sebio Aquilina)

SEBI6854