Join Us On:

News Archive

IL-GANDLIERI TAL-BAŻILIKA FUQ L-ARTAL TA’ BENEDITTU XVI

Is-sett ta’ gandlieri tal-fidda, propjetà tal-bażilika ta’ San Ġorġ, ġie magħżul biex jintrama fuq l-altar papali li fuqu l-Q.T. Benedittu XVI sa jippresiedi l-konċelebrazzjoni pontifikali ta’ nhar il-Ħadd 18 ta’ April 2010, fuq il-Fosos tal-Furjana, bħala parti miż-żjara pastorali tiegħu lill-gżejjer Maltin.
 
Kif tgħid l-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman fuq it-tagħmir ta’ l-altar, “il-ġieħ u l-ferħ taċ-ċelebrazzjoni jitolbu li jkun hemm xemgħat mixgħula f’kull azzjoni liturġika” (269).
 
Il-kummissjoni organizzativa fi ħdan il-Kurja ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta, li f’kollaborazzjoni diretta mal-Vatikan qed tħejji għal din il-liturġija, iktar kmieni din is-sena kienet ressqet talba lill-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex, sabiex għal fuq dan l-altar papali jintrama s-sett gandlieri tal-fidda li tippossiedi l-bażilika ta’ San Ġorġ. F’laqgħa tal-presbiterju parrokkjali, nhar it-Tlieta 2 ta’ Frar 2010, din l-istedina sabet l-appoġġ unanimu tal-membri preżenti tal-kapitlu tal-kolleġġjata Ġorġjana.
 
Is-sett, li hu maħdum fil-fidda, jikkonsisti f’sitt gandlieri (għoljin 90ċm); fis-seba’ gandlier li jissejjaħ “settmu”, għax jinxtegħel biss meta jippresiedi l-Isqof; u fis-Salib bix-xbieha ta’ Ġesù Kurċifiss fuq naħa u tal-Verġni Mbierka Mtellgħa s-Sema fuq l-oħra, li jitqiegħed dejjem fin-nofs u li lejh iħares iċ-ċelebrant hu u jqaddes. Is-sett inħadem l-Italja, fi żmien l-arċipriet Mons. Mikiel Cefai (1899-1981), fuq inizjattiva tal-prokuratur tal-bażilika Mons. Anton Grech Vella (1917-2008). Wasal Għawdex għall-festa ta’ San Ġorġ ta’ l-1962 u tbierek mill-E.T. Mons. Ġużeppi Pace, isqof ta’ Għawdex, fil-pontifikal ta’ jum il-festa, nhar il-Ħadd 15 ta’ Lulju 1962.
 
Il-forma tal-gandlieri hi ispirata mid-disinn li kien għamel Abram Gatt (1863-1944) għaż-żewġ akkolti li jintużaw kull sena bħala parti mill-apparat tal-festa titulari ta’ San Ġorġ, iċċelebrata fil-bażilika ta’ San Ġorġ f’Lulju. F’riġlejn kull gandlier jidhru erba’ xbihat: fuq quddiem ix-xbieha ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel u rebbieħ fuq id-dragun, fuq il-ġnub l-arma ta’ Għawdex u tinqixa bl-ismijiet tal-benefatturi, u fuq wara s-simbolu tal-Chi Rho li hu monogramma antika fl-arti Kristjana li tirrappreżenta lil Kristu.
 

Dan is-sett ta’ gandlieri, magħrufa bħala “tal-festa”, jintrama fuq l-altar tal-bażilika ta’ San Ġorġ fl-akbar solennitajiet tal-kalendarju liturġiku tagħha: fl-Għid, fil-festa liturġika u f’dik titulari ta’ San Ġorġ, u fil-Kwaranturi Mqaddsa.