Join Us On:

News Archive

IL-FESTA ĠORĠJANA FIL-KANADA

Fuq inizzjattiva tal-Għaqda Friends of La Stella Canada, u tas-Sur John G. Borg, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġiet iċċelebrata festa kbira Ġorġjana f’Toronto fost numru kbir ta’ emigranti Ġorġjani Maltin u Għawdxin. Għal dawn iċ-ċelbrazzjonijiet kien hemm preżenti wkoll grupp mis-Soċjeta tagħna li tela’ apposta, fosthom numru żgħir ta’ bandisti li daqqew flimkien mal-Malta Band Club f’din il-festa. Ma’ dan il-grupp telgħu wkoll il-Kan. Ġużepp Borg li mexxa quddiesa solenni f’ġieħ San Ġorġ Martri u Dun Ġorġ Borg li kkonċelebra miegħu din il-quddiesa.

Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom proprju nhar is-Sibt 20 ta’ Settembru wara jiem twal ta’ preparamenti. Dawn bdew b’quddiesa solenni fil-knisja St John Fisher fi Brampton, Ontario. Flimkien mal-Kan. Ġużeppi Borg u Dun George Borg, ikkonċelebra Dun Alfred Grima, saċerdot Għawdxi mix-Xewkija, ir-rettur tal-knisja ta’ St. John Fisher. WIeħed ta’ min isemmi li kien bil-permess ta’ dan is-saċerdot li l-istatwa l-ġdida setgħet tinżamm f’din il-knisja fi Brampton. Dun Alfred Grima kkontribwixxa bil-kbir biex setgħet tiġi organizzata din il-festa ad unur San Ġorġ Martri. 

F’din il-quddiesa ġiet inawgurata wkoll l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ, kopja eżatta ta’ l-istatwa titulari meqjuma fil-bażilika ta’ beltna. L-istatwa l-ġdida merfugħa minn Ġorġjani emigranti u oħrajn Għawdxin li kienu preżenti, iddaħlet fost ċapċip kbir minn dawk kollha li kienu preżenti. Fuq wiċċ kull wieħed u waħda minnhom deher dak l-entużjażmu li aħna nħossu kull sena fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju. Wara l-quddiesa twaħħal ukoll salib tad-deheb fuq l-istatwa l-ġdida, minn John G. Borg li tant ħadem biex din il-ħolma saret realta’.

Hekk kif intemmu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja ta’ Brampton, il-festa kompliet ġewwa St John”s Lithuanian Hall fejn ġie organizzat Grand Dinner Dance li tulu ħadu sehem numru ta’ kantanti, u fuq kollox il-Malta Band Club li magħha ngħaqdu l-bandisti tagħna. Għal dan il-Grand Dinner Dance kien hemm preżenti wkoll id-deputat mexxej tal-partit Laburista Malti Dr Anġlu Farrugia. Indaqqu marċi brijużi mill-aktar popolari u bla dubju l-innu marċ Ġorġi tagħna li hekk kif instemgħu l-ewwel noti tiegħu kulħadd qam f’delirju ta’ ferħ ikanta u jċapċap. Hawn wieħed seta’ jinnota r-rabta kbira li għad għandhom ħutna l-emigranti mal-qaddis patrun u protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Megalomartri. Fi tmiem din il-festa, is-Sur Anthony Zammit, teżorier tas-Soċ. Filar. La Stella, li kien preżenti flimkien ma’ diversi bandisti u membri oħra tal-kumitat ippreżenti rigal ta’ tifkira lir-rettur tal-knisja ta’ St. John Fisher Dun Alfred Grima; lil membru tal-Malta Band Club, kif ukoll lill-Għaqda Friends of La Stella Canada. Din l-edizzjoni ta’ Festa Ġorġjana rnexxiet ħafna grazzi għall-ħidma kbira li saret minn din l-Għaqda u mir-rappreżentanti tas-Soċjeta’ tagħna fil-Kanada. Kif tħabbar ukoll fuq is-sit uffiċjali ta’ Friends of La Stella Canada (www.lastellacanada.ca), dan l-avveniment ser jibqa’ jiġi ċċelebrat ta’ kull sena. L-għaqda ser tkompli tibni fuq is-suċċess kbir ta’ din is-sena, biex fl-2009 jiġu organizzati festi akbar f’ġieħ il-kbir Martri San Ġorġ fost ħutna l-emigranti fil-Kanada.

Ħajr: Achille Attard għar-ritratti.