Join Us On:

News Archive

“IL-FESTA L-AKTAR POPOLARI TAL-GŻIRA”

Għaddew ħamsa u għoxrin ġurnata mill-aħħar jum tal-festa l-kbira ta’ beltna: il-festa tal-patrun ta’ beltna u ta’ gżiritna San Ġorġ Megalomartri. Jgħaddu l-ġranet, iżda f’moħħna jibqgħu s-suċċessi li ntlaħqu għal darb’oħra f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li għalihom ħdimna tant matul is-sena li għaddiet. Il-festa ta’ San Ġorġ hija l-qofol tal-ħidma kontinwa lit kun għaddejja matul is-sena mis-Soċjetà Filarmonika La Stella – Soċjetà li sa mill-1882 ġew fdati f’idejha l-organizzazzjoni tal-festi esterni f’ġieħ il-kbir martri San Ġorġ. Is-Soċjetà La Stella, l-ewwel soċjetà mużikali mwaqqfa fi gżiritna sa mit-twaqqif tagħha dejjem kienet bħala punt ta’ riferiment għas-soċjetajiet mużikali li nibtu wara. Forsi l-akbar eżempju ta’ dan huwa ta’ soċjetà li nibtet ftit anqas minn xahar wara t-twaqqif b’mod legali tas-Soċjetà La Stella f’Jannar tas-sena 1881. Punt ta’ riferiment tibqa’ bħalma dejjem kienet il-festa ta’ San Ġorġ, mill-eqdem żminijiet il-festa tal-Għawdxin, illum meqjusa minn bosta bħala l-festa tal-festi. Jixhdu dan mhux il-frażijiet sbieħ li jiddeskrivuha, imma l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jingħaqdu magħna l-Ġorġjani fil-jiem ta’ festa – u b’jiem ta’ festa ma nifhmux biss l-aħħar jumejn tal-festa, imma s-sebat ijiem tal-ġimgħa tal-festa, jekk mhux aktar. Permezz ta’ dawn in-numri ser nagħmlu analiżi tal-festa li għadha kif għaddiet, festa li ġibdet il-folol, festa li tibqa’ bla dubju l-aktar popolari fil-gżira Għawdxija.
 
4
In-numru ta’ dimostrazzjonijiet organizzati bħala parti mill-festi esterni f’ġieħ San Ġorġ. L-ewwel dimostrazzjoni saret it-Tlieta 14 ta’ Lulju bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) xogħol ta’ Austin Camilleri li ttellgħet fi pjazza San Franġisk; it-tieni dimostrazzjoni saret l-għada l-Erbgħa 15 ta’ Lulju bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel (1987) xogħol Alfred Camilleri Cauchi; it-tielet dimostrazzjoni saret il-Ħamis 16 ta’ Lulju bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex (2008) xogħol Michael Camilleri Cauchi li ttellgħet fi Pjazza Savina; u fl-aħħarnett id-dimostrazzjoni b’San Ġorġ Rebbieħ (1894) xogħol Vincenzo Cremona li ttellgħet il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju fi Pjazza Indipendenza.
 
7
In-numru ta’ bandisti ġodda li ngħaqdu mal-banda tagħna din is-sena. Il-bandisti l-ġodda huma: Kersten Grima; Isaac Grima; Andrea Cauchi; Anthony Mizzi; Noemi Portelli; Oreste Portelli, bil-kurunetta u Christian Farrugia bl-Ewfonju. Dawn ġew mgħallma minn Michel Refalo, għalliem tal-allievi fis-sezzjoni tar-ramm. In-numru ta’ bandisti residenti mal-banda ċittadina La Stella issa jaqbeż is-sebgħin – numru rekord għal kull banda oħra fil-gżejjer Maltin.
 
8
In-numru ta’ servizzi li għamlet il-banda ċittadina u dekana La Stella matul il-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ. Il-banda fetħet l-impenji tagħha marbuta ma’ din il-festa t-Tlieta 14 ta’ Lulju b’marċ brijuż minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb sa pjazza San Ġorġ – marċ li wassal għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari; ħadet sehem fid-dimostrazzjonijiet tal-ewwel u l-aħħar jum tat-tridu; għamlet marċ brijuż lejlet il-festa filgħodu; marċ ieħor qabel it-Translazzjoni, u ħadet sehem fil-marċ kolossali ta’ lejlet il-festa. Il-Ħadd, imbagħad, jum il-festa, il-banda laqgħet il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġorġ bid-daqq tal-innu immortali A San Giorgio Martire ta’ Giardini Vella u wara akkumpanjat il-purċissjoni. Il-banda temmet l-impenji tagħha fil-ġimgħa tal-festa b’marċ brijuż wara l-purċissjoni.
 
9
In-numru ta’ baned mistiedna li flimkien mal-banda dekana ferrħuna matul il-jiem tal-festa, mill-ewwel dimostrazzjoni sa jum il-festa. Fost dawn il-baned, tlieta huma Maltin: Beland (Żejtun); King’s Own (Valletta); u San Ġorġ Martri (Ħal-Qormi). Is-sitt baned Għawdxin li pparteċipaw huma: Ite ad Joseph (Qala); Santa Margerita (Sannat); Santa Marija (Żebbuġ); Prekursur (Xewkija); Mnarja (Nadur); u San Ġużepp (Għajnsielem). Il-baned Santa Margerita; Ite ad Joseph u Mnarja taw żewġ servizzi kull wieħed fil-festa.
 
10
In-numru ta’ snin mill-ftuħ uffiċjali tal-istazzjon tar-radju tal-komunità Leħen il-belt Victoria fuq frekwenza 104Fm li beda jxandar fit-3 ta’ Lulju 1999.
 
21
In-numru ta’ CDs li ħarġet is-Soċjetà Filarmonika La Stella. CD Volum 21 maħruġ f’Ġunju 2009 fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ jiġbor fih tnax-il marċ brijuż u tliet innijiet. Wieħed irid ifakkar li l-banda ċittadina La Stella hija l-ewwel banda fi gżiritna li rrekordjat sett ta’ marċi fuq CD, u l-ewwel banda fil-gżejjer Maltin li rrekordjat sett ta’ marċi fuq diska long-play.
 
30
In-numru ta’ kunċerti li din is-sena ġew organizzati bħala parti mit-tnax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival. Dan il-festival, li fetaħ ukoll b’mod uffiċjali l-festi ta’ San Ġorġ, beda fl-10 ta’ Ġunju b’kunċert fil-bażilika mis-St James Consort. Intemm bil-kbir fit-13 ta’ Lulju b’kunċert grandjuż ieħor bis-sehem, tal-kor Laudate Pueri, Daniel Veis (Violincello) u Scott Farrell (Orgni) u tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, direttur artistiku ta’ dan il-festival, maestro di cappella tal-bażilika u surmast direttur tal-banda La Stella.
 
32
In-numru ta’ tiġrijiet tal-żwiemel li ġew organizzati mis-Soċjetà Filarmonika La Stella, it-Tnejn 13 ta’ Lulju filgħaxija. Għal sena oħra dawn it-tiġrijiet ġibdu lejn beltna aktar minn 120 parteċipant u numru kbir ta’ dilettanti li ħonqu kull parti ta’ Triq ir-Repubblika. L-organizzazzjoni ta’ dawn it-tiġrijiet ġiet imfaħħra minn bosta anke fuq il-ġurnali lokali.
 
35
In-numru tal-ħarġa tal-ktieb uffiċjali tal-festa maħruġ mis-Soċjetà Filarmonika La Stella fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ. F’aktar minn mija u ħamsin paġna l-ktieb tal-festa ġabar fih nurmu ta’ arikli interessanti fuq il-patrun tagħna San Ġorġ, fuq il-bażilika, fuq is-Soċjetà La Stella u s-sezzjonijiet tagħha, artikli oħra fuq l-istorja tas-Soċjetà, poeżiji u messaġġi.
 
40
Il-ġranet kollha mill-ftuħ tal-programm tal-festa fl-10 ta’ Ġunju 2009 sa jum il-festa, il-Ħadd 19 ta’ Lulju.
 
114
Mija u erbatax-il sena ilu s-sur Anton Tabone, dakinhar kaxxier tal-banda Il Leone tal-belt Victoria, tenna li l-festa ta’ San Ġorġ “e’ la piu’ popolare del paese”. Il-festa ta’ San Ġorġ minn dejjem kienet meqjusa bħala l-festa ewlenija ta’ gżiritna. Kien hemm diversi tentattivi biex baned oħra jieħdu sehem f’din il-festa prinċipali ta’ Għawdex. Il-banda La Stella mhux biss kellha l-unur li tieħu sehem f’din il-festa tant popolari, iżda fl-1882 ħadet f’idejha l-organizzazzjoni tal-festi esterni tagħha.
 
115
Għaddew mija u ħmistax-il sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi ta’ barra f’Għawdex, xogħol ta’ Vincenzo Cremona. Din l-istatwa ta’ kull sena tittella’ fuq il-pedistall għoli tagħha li jiddomina Pjazza Indipendenza wara dimostrazzjoni grandjuża madwar it-toroq prinċipali ta’ beltna.
 
127
Għaddew mija u sebgħa u għoxrin sena minn meta l-festi esterni f’ġieħ San Ġorġ Martri fil-belt Victoria ġew fdati f’idejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella.
 
Għeluq
 
Il-frażi ‘in-numri jitkellmu waħidhom’ nisimgħuha bosta drabi. Illum permezz ta’ dawn in-numri, erġajna bnejna l-istorja tal-festa ta’ din is-sena…storja oħra ta’ suċċess mhux biss għall-bażilika ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà Filarmonika La Stella li b’tant għożża jorganizzaw din il-festa, imma għall-belt Victoria – il-belt ta’ Ġorġi u għall-gżira Għawdxija. Jekk tippermettulna nixtiequ nżidu numru ieħor…338: il-jiem li jwasslu għat-tielet Ħadd ta’ Lulju tas-sena 2010!
 
Appuntament għal-Lulju 2010.

ritratti: Joe Attard