Join Us On:

News Archive

IL-BANK OF VALLETTA JGĦIN FESTIVAL MEDITERRANEA

Is-17-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea ġiet imnedija uffiċjalment mit-Teatru Astra u l-Bank of Valletta waqt konferenza stampa li saret fil-Head Office tal-BOV f’Santa Venera nhar it-Tlieta 10 ta ‘Ottubru 2018. Il-qofol tal-festival ta’ xahar huwa rappreżentazzjoni doppja tal-Opra popolari ta’ Giuseppe Verdi ‘La Traviata’ fil-25 u s-27 ta ‘Ottubru.

Festival Mediterranea Launch

‘Huwa xieraq li nibdew dan l-avveniment illum billi nagħtu ġieħ lil Mro Joseph Vella, id-direttur tal-mużika sinonimu mal-Festival li ħalliena aktar kmieni din is-sena’ qal is-CEO tal-Bank of Valletta Mario Mallia. ‘Il-Bank of Valletta kien parti minn dan il-festival kulturali mill-bidu nett, festival li stabbilixxa ruħu fil-kalendarju Kulturali ta’ Malta.’

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, ddikjarat li wieħed mill-għanijiet tal-Ministeru għal Għawdex huwa li jġib il-kultura fil-forom kollha tagħha, inkluża l-opra, eqreb lejn iċ-ċittadini. Minħabba li l-opra hija sinonima ma’ Għawdex, il-Ministeru nieda ‘Xahar ta’ l-Opra’ fejn qed jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet b’kollaborazzjoni ma’ teatri ta’ l-opra u partijiet interessati oħra u li għandhom l-għan li jestendu l-opra lil hinn mit-teatru u eqreb tal-komunità. Dawn l-avvenimenti jinkludu taħditiet, kunċerti u esibizzjonijiet dwar temi relatati. Il-Ministru Caruana insistiet li l-wirt kulturali ċċelebrat mill-komunitajiet għandu jkun appoġġjat biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, u għal dan il-għan, il-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti bil-kbir f’inizjattivi bħal dawn. Il-Ministru Caruana kkonkludiet billi rringrazzjat lis-soċjetajiet mużikali għall-impenn tagħhom lejn l-opra f’Għawdex kif ukoll in-numru kbir ta’ voluntiera involuti f’dawn il-proġetti.

Il-Chairman tal-Festival Mediterranea Michael Formosa ddikjara li La Traviata se timmarka pass sinifikanti fl-iżvilupp tal-arti fil-gżejjer Maltin – il-50 anniversarju mill-inawgurazzjoni tat-Teatru Astra – iżda se titniżżel fl-istorja bħala l-ewwel opra fl-Astra f’erbgħin sena li mhux se titmexxa mill-Professur Joseph Vella. Huwa rrefera għat-tribut mogħti lil Mro Vella mis-Sur Mario Mallia u ddikjara li t-teatru issa għandu r-responsabbiltà li jkompli jmexxi ‘l quddiem dan l-avveniment importanti, fejn Mro Vella kien protagonista ewlieni. Formosa ikkonkluds billi stqarr li l-opra tat-Teatru Astra u l-Festival Mediterranea stabbilixxew lilhom infushom bħala punti ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti, u għollew il-profil ta Għawdex u tall-komunità li animat it-Teatru Astra matul vjaġġ straordinarju li issa ilu 50 sena.

L-Opra ta din is-sena hija mżewqa b’diversi stilel li jinkludu lill-Għawdxija Miriam Cauchi li ser tinterpreta r-rwol ta’ Violetta. Giulio Pelligra li s-sena l-oħra saħħar lil kulħadd fir-rwol tiegħu f’Lucia di Lammermoor huwa fdat bir-rwol ta’ Alfredo. Il-baritonu ta’ fama ta’ Bolshoi Maxim Aniskin ser jinterpreta lil Germont filwaqt li l-mezzo-sporan Oana Andra se terġa’ lura għall-Astra bħala Flora. Philip Walsh, li m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni milqugħ se jmexxi l-opra. Id-direttur artistiku Taljan Enrico Stinchelli ser jidderieġi t-tmien opra tiegħu fl-Astra.

L-edizzjoni tal-2018 tal-Festival Mediterranea ser tinkludi serje ta’ taħditiet immexxija minn Dr Abraham Borg, Dr Godwin Vella u Dr Mark Sagona, fuq l-opra La Traviata, u l-aspetti storiċi u artistiċi marbuta ma’ Għawdex. Il-Mużew ta’ Hagar fir-Rabat se jkollu wirja fuq il-50 anniversarju tat-teatru. Attraction speċjali hija l-parteċipazzjoni tal-Oxford Girls Choir (UK) li se jagħtu sehemhom fil-festival fl-24 u s-26 ta ‘Ottubru – f’kunċerti fil-Bażilika ta’ San Ġorġ u l-Lukanda Kempinski San Lawrenz.

Avvenimenti oħra se jenfasizzaw it-tradizzjonijiet tal-inbid ta’ Għawdex u s-solisti tal-Banda La Stella f’chamber concert.

L-opra La Traviata hija appoġġjata mill-Programm ta’ Appoġġ Kulturali ta’ Għawdex amministrat mill-Arts Council Malta u l-Ministeru għal Għawdex.

Bookings għal dawn l-avvenimenti kollha jistgħu jkunu fuq il-helpdesk tal-festival fuq 21550985, email [email protected].

Prenotazzjoni onlajn u informazzjoni oħra dwar l-opra u l-festival hija disponibbli fuq www.teatruastra.com.mt.