Join Us On:

News Archive

IL-BANK OF VALLETTA JAPPOĠĠJA FESTIVAL MEDITERRANEA

Il-Bank of Valletta qed jappoġġja t-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Il-Festival tnieda mit-Teatru Astra t’Għawdex waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera li kienet indirizzata minn Igino Xuereb, Chief Officer Operations tal-Bank of Valletta, minn Dr Joseph Grech LLD, President tas-Soċjetà Flarmonika La Stella u mid-direttur muzikali tat-Teatru Astra u ta’ Festival Mediterranea il-Prof. Joseph Vella.
 
Festival Mediterranea hu festival annwali kulturali, li jinkludi l-opra, kunċerti, iż-żfin, l-istorja u l-arkeoloġija, is-snajja lokali, l-ikel, l-inbid u l-arti. L-edizzjoni ta’ din is-sena tibda fit-23 ta’ Ottubru u tibqa’ sejra sal-21 ta’ Novembru 2009.
 
L-akbar attività fil-programm ta’ din is-sena hi l-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi, li se jkollha rappreżentazzjoni doppja fit-Teatru Astra – nhar il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 ta’ Ottubru. Iż-żewġ rappreżentazzjonijiet jibdew fis-7.30pm.
 
Il-lista tal-kast tinkludi artisti internazzjonali ta’ fama li se jirritornaw fit-Teatru Astra. L-Orkestra Nazzjonali Filarmonika se titmexxa mill-Prof Mro Joseph Vella, filwaqt li Maria Frendo qed tħarreġ il-Kor Operistiku tat-Teatru Astra. Id-Direttur Artistiku Taljan Mario Corradi tqabbad għal darb’oħra għal din il-produzzjoni wara s-suċċess tiegħu f’Macbeth (2007) u f’Turandot (2008). Wara kull serata operistika għal darb’oħra se ssir l-ikla tard filgħaxija Dinner with the Stars fejn dawk li jattendu s-serata tal-opra huma mistiedna għal festa ta’ ikel Mediterranju u inbid.
 
Attivitajiet oħra jinkludu żjajjar madwar il-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-qalba tal-belt Victoria li fiha bosta xogħlijiet fini tal-arti fosthom ta’ Mattia Preti; se jkun hemm ukoll taħditiet f’siti storiċi u arkeoloġiċi mill-arkeologu magħruf Ingliż Dr David Trumpli se jitkellem dwar l-importanza storika u arkeologika f’Malta, l-Ipoġew f’Ħal Saflieni, il-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, u t-tempji fl-Imġarr u Ta’ Skorba; u dawk f’Għawdex, it-tempji tal-Ġgantija, l-għar ta’ Għejżu u ċ-Ċirklu tal-Ġebel fix-Xagħra, kif ukoll il-Mużew tal-Arkeoloġija fiċ-ċittadella.
 
Dr David Trump se jmexxi konferenza ta’ nofs ta’ nhar bit-tema: Conservation: Nature and Archaeology li se tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ esperti ewlenin lokali. Se jkollu wkoll taħdita bis-suġġett: An Archaeologist seeks Religion. Id-dħul għat-tnejn hu b’xejn.
 
Festival Mediterranea jinkludi wkoll b’mod prominenti attivitajiet mużikali. Dawn jinkludu Recital ta’ British Pipe Organ tas-Seklu 18, trio lunchtime concert, ensemble magħmul min-nisa biss, kor tal-irġiel f’lunchtime recital, recital vokali, piano recital, recital minn solisti mill-banda La Stella, kunċert filarmoniku mill-banda ċittadina La Stella, u recital korali.
 
Booking għall-attivitajiet kollha jistgħu jsiru mit-Teatru Astra jew minn wieħed mill-ħwienet awtorizzati f’Malta jew Għawdex. Madankollu, għall-ewwel darba, it-Teatru Astra u l-Bank of Valletta għandhom pjacir iħabbru faċilità ta’ online booking mis-sit elettroniku tal-Festival. (www.mediterranea.com.mt)
 
Meta indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Xuereb qal li l-Bank of Valletta jemmen fil-kunċett ta’ Festival Mediterranea u appoġġja l-edizzjonijiet kollha mill-ewwel waħda fl-2002. “Il-Bank of Valletta tappoġġja bil-kbir inizjattivi artistiċi u kulturali u ahna kburin li nkunu assoċjati ma’ attività li tat produzzjonijiet ta’ kalibru għoli għal dawn l-aħħar 10 snin.”
 
Meta tkellem dwar il-programm ta’ attivitajiet, Dr Grech spjega kif Festival Mediterranea kellu l-oriġini tiegħu minn xewqa li tiġi esportata l-imħabba għall-opra lirika u s-sens ta’ kburija nazzjonali, spiss sproporzjonata, li n-nies lokali huma magħrufa għaliha, u li tagħmilhom unici – sew jekk hi l-istorja, l-kultura jew l-istil ta’ ħajja. Fl-istess waqt, Festival Mediterranea hi għodda oħra għall-industrija tat-Turiżmu biex tattira aktar turisti fi staġun turistiku anqas popolari.
 
Mro Vella tkellem dwar il-livell għoli tal-artisti li tqabbdu għall-produzzjoni ta’ din is-sena ta’ Rigoletto kif ukoll dak tal-mużiċisti u kantanti lokali u barranin li se jipparteċipaw fl-attivitajiet l-oħra.
 
Festival Mediterranea hu organizzat mit-Teatru Astra f’Għawdex. Il-Bank of Valletta hu msieħeb fil-proġett flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu, l-Air Malta, Heritage Malta u Vodafone Malta.