Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA TOĦROĠ BL-UNURI

Nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju, il-banda ‘La Stella’ ġiet mistiedna biex ittella’ programm mużikali fi Pjazza Indipendenza flimkien mal-banda l-oħra tal-belt fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria. F’dan il-programm kif ħabbarna fil-jiem li għaddew il-banda għażlet li ddoqq tliet siltiet mill-aqwa, kompożizzjonijiet tas-surmast direttur Mro Joseph Vella, Verdi u Tchaikovsky.

Għal dan il-programm il-banda kienet armata sa snienha bil-maġġoranza assoluta tal-bandisti jkunu bandisti tal-post, dan ghall-kuntrarju tal-banda l-ohra li ppartecipat. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella, surmast ta’ fama internazzjonali, li f’dawn l-aħħar 37 sena mexxa lill-banda tagħna u bla dubju huwa direttur mużikali u kompożitur lokali mingħajr pari fil-firmament mużikali f’pajjiżna. Dan huwa ta’ unur għal beltna u fuq kollox għas-Soċjetà tagħna. Kien proprju għalhekk li l-banda għażlet li fost it-tliet siltiet tinkludi kompożizzjoni tas-surmast Vella, kompożizzjoni mill-isbaħ li tesponi l-kwalitajiet li bihom huwa mżejjen il-Professur Joseph Vella. Il-banda daqqet ukoll selezzjoni ta’ l-istampa mill-opra ‘La Traviata’ ta’ Giuseppe Verdi, fejn fiha daqqew ukoll is-solisti Mark Schembri fuq l-Althorn, Michel Refalo fuq il-kurunetta, Anton Sacco fuq l-Ewfonju u Mario Galea fuq il-klarinett. Il-banda tat wirja kompatta u rrispondiet għad-direzzjoni ferm ċara, preċisa u mingħajr fjorituri żejda tas-surmast Vella biex tat interpretazzjoni għal darb’oħra brillanti. Dan deher ċar mill-applaws li rċiviet il-banda fi tmiem din is-silta, li żgur niżlet għasel mal-udjenza preżenti. Fl-aħħarnett il-banda għalqet bl-eżekuzzjoni gradjuża tal-‘Marcia Slava’ ta’ P. I. Tchaikovsky, biċċa xogħol mill-isbaħ pero` fl-istess ħin diffiċli u li titlob attenzjoni u ħila kbira kumplessa mill-banda kollha u mhux minn sezzjoni waħda biss. Il-banda tat wirja brillanti, kollettiva u ta’ livell għoli – wirja li m’għandiex bżonn paraguni…wirja li kompliet tikkonferma aktar minn qatt qabel il-post prestiġjuż li tgawdi l-banda ‘La Stella’ fix-xena bandistika lokali.

Minn hawn nixtiequ nifirħu lill-bandisti kollha tal-parteċipazzjoni affettiva li taw u fuq kollox lis-surmast direttur Mro Joseph Vella – il-bniedem li bih ġustament tiftaħar is-Soċjetà tagħna. Nirringrazzjaw ukoll lill-pubbliku kollu li attenda, b’mod speċjali lill-partitarji tas-Soċjetà ‘La Stella’ li bħal dejjem segwew lill-banda, urew maturità, u kienu ta’ eżempju f’din iċ-ċelebrazzjoni ċivika f’beltna.

(ritratti: Joe Attard)