Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA TAGĦLAQ IT-TNAX-IL EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

_JMJ7294

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea se tagħlaq b’kunċert grandjuż mill-Banda Ċittadina La Stella nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru, fis-7.30pm, fit-Teatru Astra, il-Belt Victoria.  Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn.

Il-kunċert sinfoniku se jiġbor fih madwar sebgħin element mużikali, u l-banda La Stella ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro Joseph Vella.  Għall-Banda, dan hu meqjus wieħed mill-aktar impenji importanti fl-istaġun tax-xitwa.  Il-kunċert tas-Sibt se joffri selezzjoni ta’ mużika klassika, semi-klassika u sinfonika, bi programm li jinkludi xogħlijiet ta’ Wagner, Verdi, Godfrey, Bartoli, Van Kraeydonck u de Haan.  Se tindaqq ukoll għall-ewwel darba biċċa xogħol ġdida miktuba mill-klarinettista Mario Galea.

Fil-kunċert se jidderieġi wkoll għall-ewwel darba Mro Sigmund Mifsud, li għadu kif inħatar Assistent Surmast tal-Banda Ċittadina La Stella.  Mifsud kien ġie appuntant Guest Conductor f’April li għadda, u diġà dderieġa b’suċċess kbir l-ewwel edizzjoni ta’ RockAstra f’Ġunju 2013.

Dawk interessati jattendu għal dan il-kunċert għandhom ikunu f’posthom fis-7.15pm, u s-seating huwa fuq bażi first come first served.  Aktar informazzjoni fuq www.mediterranea.com.mt jew billi ċċemplu 79256897.

Il-Kunċert Annwali tal-Banda La Stella jwassal fi tmiemha t-tnax-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, imtellgħa mit-Teatru Astra bl-għajnuna ta’ numru kbir ta’ voluntiera.  Il-Festival fetaħ fl-24 ta’ Ottubru bl-opra ta’ Giuseppe Verdi, Otello, li kienet suċċess ieħor kbir għat-Teatru.

Fil-weekend konċernat, jiġifieri l-15, 16 u 17 ta’ Novembru l-vapur tal-Gozo Channel se jkun b’xejn f’dik li qed tissejjaħ Free Travel to Gozo Weekend.  Dan għandu jinkoraġġixxi lil dawk il-Maltin li jixtiequ jaqsmu lejn Għawdex biex igawdu xi waħda minn dawk l-attivitajiet li se jsiru.  Għalhekk dawk li se jkunu Għawdex fil-weekend huma mistednin jattendu l-kunċert, fejn kif semmejna qabel id-dħul se jkun b’xejn.

It-Teatru Astra, f’Festival Mediterranea għandu l-għajnuna tal-Gvern ta’ Malta permezz tal-Cultural Partnership Agreement..  Entitajiet oħra li jagħtu s-sapport tagħhom huma s-Citadel Insurance, il-Malta International Airport, General Softdrinks u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

(Ritratti: Joe Attard)