Join Us On:

News Archive

IL-BANDA “LA STELLA” F’SAN LAWRENZ

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Lawrenz, iċċelebrata fir-raħal li jġib isem il-patrun, il-banda ċittadina “La Stella” għamlet żewġ servizzi, lejlet u nhar il-festa. F’lejlet il-festa, il-banda tagħna għamlet marċ brijuż flimkien mal-banda “San Ġużepp” t’Għajnsielem madwar it-toroq ewlenin tar-raħal. Fl-aħħar imbagħad, il-banda sabet postha fuq il-planċier, fejn hemm taħt id-direzzjoni tal-Prof. Mro Joseph Vella, daqqet l-innu l-kbir f’ġieh San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Giuseppe Giardini Vella, bis-sehem tal-kor u tas-solisti.

L-għada l-Ħadd, filwaqt li “folol” kbar bdew isibu posthom fi Triq ir-Repubblika għall-marċ brijuż ta’ filgħaxija, il-banda “La Stella” għat-tieni jum konsekuttiv ħadet sehem fil-festa ta’ San Lawrenz. Qabel il-ħruġ tal-purċissjoni l-banda għamlet marċ brijuż, biex imbagħad għall-ħabta tat-8.00pm daqqet l-innu l-kbir waqt il-ħruġ tal-purċissjoni. Wara li ħarġet il-purċissjoni, il-banda esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella. Il-banda daqqet siltiet mill-isbaħ, li ġew apprezzati ħafna mill-udjenza preżenti, fejn fost l-oħrajn kien hemm diversi turisti. Ġew esegwiti s-siltiet: “Stella d’Italia” ta’ Giovanni Parisi; “Italian Festival” ta’ Glenn Osser; “Overture No.1 in Bb” ta’ Sunny Galea; “Night at the Ballet” ta’ P. I. Tchaikovsky; u selection min-“Norma” ta’ Vincenzo Bellini. Ħames siltiet mill-isbaħ li kkumplimentaw mal-atmosfera festiva f’San Lawrenz. Il-banda għalqet is-servizz tagħha f’San Lawrenz bid-daqq ta’ l-innu marċ kompożizzjoni ta’ Joe Formosa.

Dan kien l-għaxar servizz li l-banda għamlet barra l-belt Victoria, f’dawn ix-xahrejn li għaddew. Is-servizz li jmiss huwa f’Għajnsielem, fejn il-banda ser tieħu sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu.

(Ritratti: George Borg)