Join Us On:

News Archive

IL-BANDA “LA STELLA” F’JUM IL-BELT VICTORIA

Fl-okkażjoni ta’ “Jum il-Belt Victoria”, kif diġà ħabbarna fil-ġimgħat li għaddew, il-Baned tal-belt Victoria ġew mistiedna jtellgħu Programm Mużikali fi Pjazza Indipendenza nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju, 2007 fit-8.00pm. F’dan il-programm kull banda ser iddoqq tliet siltiet mużikali. Barra dawn is-siltiet ser jindaqqu l-innijiet taż-żewġ Soċjetajiet Mużikali flimkien ma’ l-innu ‘Lil Għawdex’ u l-innu nazzjonali.

Illum ser nagħtu ħarsa dettaljata lejn it-tliet siltiet magħżula mis-Soċjetà Filarmonika “La Stella” għal dan il-Programm Mużikali. Is-siltiet magħżula huma: “In Omaggio” tal-Prof. Joseph Vella; Selezzjoni mill-Opra “La Traviata” ta’ Giuseppe Verdi; u “Marcia Slava” ta’ Pyotr I. Tchaikovsky.

In Omaggio (Joseph Vella): Din is-silta, kompożizzjoni tas-surmast direttur tal-banda tagħna Mro Joseph Vella, inkitbet fis-sena 1999, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju minn meta Mro Joseph Vella nħatar surmast direttur tal-Banda “Konti Ruġġieru” tar-Rabat, Malta. Din is-silta festiva, tiftaħ b’introduzzjoni kalma għall-aħħar, li mbagħad twassalna għal parti aktar ritmika u melodjuża. Din hija kompożizzjoni oħra li bla dubju tesponi l-kwalitajiet li bihom huwa mżejjen is-surmast Vella bħala kompożitur – teknika raffinata; fraseġġi sbieħ; sens innat ta’ proporzjon; u immedjatezza fl-appell tal-melodiji. Kompożizzjonijiet tas-surmast direttur tagħna, saru fattur kostanti fil-Programmi mużikali li ttella’ il-banda “La Stella”.

La Traviata (Giuseppe Verdi): Din l-opra lirika hija waħda mill-aktar xogħlijiet famużi ta’ dan il-kompożitur ċelebri Taljan. L-opra “La Traviata” inkitbet fl-1853. Hija opra fi tliet atti u l-premiere tagħha sar fis-6 ta’ Marzu 1853, fit-teatru ‘La Fenice’ ta’ Venezia. Din l-opra lirika ttellgħet darbtejn fit-Teatru Astra f’Għawdex, fil-15 u fis-16 t’April 1989. Fis-selezzjoni li ser iddoqq il-banda, ser joħorġu bħala solisti: Mario Galea (Clarinet); Michel Refalo (Trumpet); Mark Schembri (Althorn) u Anton Sacco (Euphonium) li huma lkoll bandisti tal-post. Ser jindaqqu wħud mill-aktar ‘arias’ popolari ta’ din l-opra fosthom: “Libiamo ne’ lieti calici”; “Ah! Dite alla giovine”; “Parigi, o cara” u l-finale grandjuż “Ah Violetta”.

Marcia Slava op. 31 (Pyotr Illyich Tchaikovsky): Din hija waħda mill-aktar kompożizzjonijiet famużi ta’ dan il-kompożitur Russu. Din is-silta ġiet iffinalizzata f’Ottubru 1876, u nkitbet fuq rikjesta ta’ Nikolay Rubinstein biex tindaqq f’kunċert ġo Moska f’ġieh dawk il-vittmi tal-gwerra bejn it-Torok u s-Serbi. F’Ġunju 1876 inqatlu numru kbir ta’ Slavi f’din il-gwerra u proprju din is-silta mużikali patrijotta nkitbet biex tagħti ġieh lil dan il-poplu. Fil-bidu din is-silta kien jisimha “Serbo-Russian March” iżda wara ngħatat l-isem ta’ “Marche Slave”. Tchaikovsky jibbaża l-melodiji prinċipali tas-silta fuq siltiet folkloristiċi Serbi. Fuq kollox tispikka wkoll it-tema mibnija fuq l-innu Russu “God Save the Tsar”. Dan ix-xogħol kolossali ta’ Tchaikovsky inkiteb erba’ snin qabel xogħol ieħor kbir ta’ dan il-kompożitur, l-overture ‘1812’. Dawn huma żewġ xogħlijiet mill-aktar popolari, u fl-istess ħin fihom ħafna similaritajiet.

Intant il-banda “Leone” ħabbret ukoll is-siltiet mużikali magħżula għal din l-okkażjoni u dawn huma: “Queen in Concert” medley fuq arranġament ta’ R. Sciberras; Selezzjoni mill-opra ta’ Giuseppe Verdi “Il Trovatore”; u l-overture 1812 ta’ P. I. Tchaikovsky.

Inħeġġu lir-Rabtin kollha biex jattendu għal din l-okkażjoni speċjali u unika fil-belt tagħna. Aktar aġġornamenti dwar dan il-Programm Mużikali fil-ġranet li ġejjin!