Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIX-XEWKIJA U N-NADUR

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-banda ċittadina La Stella kienet impenjata fi tliet okkażjonijiet fil-festi ċċelebrati fir-raħal tax-Xewkija u tan-Nadur. Propju nhar is-Sibt li għadda, wara l-impenji li l-banda kellha fil-festi tal-Munxar, l-Għasri u l-Fontana, il-banda kienet mistiedna biex tieħu sehem fil-marċ brijuż tat-tieni jum tat-tridu fir-raħal tan-Nadur fejn ġiet iċċelebrata l-festa ad unur San Pietru u San Pawl. F’din l-okkażjoni l-banda La Stella flimkien mal-banda Mnarja tan-Nadur akkumpanjaw l-istatwa tal-"Għoti tal-Missjoni lill-Appostli San Pietru u San Pawl" madwar it-toroq prinċipali tar-raħal.  Din id-dimostrazzjoni laħqet il-qofol tagħha fi Triq Diċembru 13.

L-għada l-Ħadd, jum il-festa ta’ San Ġwann l-Għammiedi fix-Xewkija, il-banda La Stella ġiet mistiedna tagħmel marċ qasir u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza tar-raħal waqt il-purċissjoni. Il-banda dekana nistgħu ngħidu li onorat dan is-servizz bl-aktar mod impekkabbli fejn esegwiet programm mużikali ferm imżewwaq b’mużika kontemporanja u mużika b’laqta’ aktar klassika, u b’hekk laqtet il-gosti tal-udjenza ferm numeruża li assistiet għal dan il-programm. Il-banda La Stella kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella.

It-Tnejn 28 ta’ Ġunju, wara l-ispettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-ajru fin-Nadur, il-banda La Stella flimkien mal-banda tal-lokal ipparteċipaw fil-marċ tradizzjonali u mill-aktar popolari ta’ lejlet il-festa li għadda mit-toroq ewlenin tar-raħal. Il-banda Mnarja, l-istess bħall-banda Prekursur tax-Xewkija jirreċiprokaw dawn is-servizzi fil-festa ta’ San Ġorġ.

 L-impenji li jmiss għall-banda tagħna, issa huma marbuta mal-festa tal-patrun t’Għawdex San Ġorġ. L-ewwel servizz ikun nhar it-Tlieta 13 ta’ Lulju, b’marċ brijuż qabel il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari. Dan ikun l-ewwel minn tmien servizzi oħra marbuta mal-istess festa.