Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TAL-QALB TA’ ĠESU’

Fi tmiem il-ġimgħa l-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ ħadet sehem fil-festi ad unur il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ ċċelebrati fir-raħal tal-Fontana. F’din il-festa l-banda kellha żewġ servizzi, wieħed lejlet il-festa u ieħor f’nhar il-festa. Fil-fatt dawn is-servizzi l-banda tagħna ilha tagħmilhom għal numru twil ta’ snin. Is-Soċjetà ‘La Stella’ kellha u għad għandha rabtiet speċjali ma’ dan ir-raħal ċkejken li jinsab ftit passi bogħod mill-belt Victoria u li fih insibu numru kbir ta’ partitarji Ġorġjani u “ta’ l-iStilla”.

F’lejlet il-festa l-banda ‘La Stella’ għamlet il-marċ tradizzjonali madwar it-toroq ewlenin tar-raħal flimkien mal-banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem. Fi tmiem il-marċ il-banda bħal dejjem esegwiet l-innu ‘Al Sacro Cuor’ kompożizzjoni ta’ Mro Vincenzo Ciappara, fuq il-planċier bis-sehem tas-solisti u tal-kor tal-parroċċa. Hekk kif intemm l-innu wieħed seta’ jammira spettaklu mill-isbaħ ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fit-triq ewlenija ta’ quddiem il-parroċċa.

L-għada l-Ħadd, jum il-festa, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija l-banda mill-ġdid sabet postha fuq il-planċier fejn laqgħet il-ħruġ devozzjonali ta’ l-istatwa artistika tal-Qalb ta’ Ġesu’ bid-daqq ta’ innu l-kbir. Eżattament wara, il-banda akkumpanjat il-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi madwar it-toroq tal-Fontana, kif ukoll minn inħawi tal-belt Victoria li minnhom tgħaddi l-purċissjoni fosthom Pjazza San Franġisk, u Triq Vajrinġa. Il-banda temmet is-servizz tagħha bid-daqq ta’ l-innu marċ fi dħul il-purċissjoni, kompożizzjoni ta’ Mro Sunny Galea. Din il-ġimgħa l-banda ‘La Stella’ mill-ġdid tkun impenjata b’żewġ servizzi oħra: il-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju – marċ brijuż fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria fl-inħawi ‘Taċ-Ċawla’ fil-belt Victoria, u l-għada s-Sibt 21 ta’ Ġunju fejn tieħu sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Ġwann il-Battista fix-Xewkija.

16/06/2008