Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA FIL-FESTA TAL-ASSUNTA

Nhar is-Sibt 18 ta’ Awwissu, il-banda ċittadina tellgħet programm mużikali ieħor fil-pjazza ewlenija tar-raħal taż-Żebbuġ, lejlet il-festa ta’ Santa Marija. Dan l-impenn ġie dritt wara li fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kellna żewġ servizzi fir-raħal ta’ San Lawrenz.

Il-banda esegwiet programm mużikali varjat b’mużika kontemporanja u popolari mir-repertorju mużikali tagħha u kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella. Dritt wara ingħata bidu għall-festival tan-nar bħal ma ġara s-sena l-oħra. Il-banda La Stella għamlet ukoll marċ qasir mat-toroq tar-raħal.

Il-banda tagħlaq l-impenji tagħha għal dan l-istaġun tal-festi tas-sajf nhar is-Sibt li ġej, lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem, fejn f’din l-okkażjoni l-banda ser tesegwixxi wkoll marċ u programm mużikali ġewwa r-raħal.