Join Us On:

News Archive

IL-BANDA “LA STELLA” FIL-FESTA TA’ STA MARGERITA

Wara ġimgħa sħiħa ta’ impenji tul il-festa tal-patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri fil-belt Victoria, il-banda kien imissha servizz ieħor fir-raħal ta’ Sannat fil-festa ta’ Santa Margerita. Ir-raħal ta’ Sannat huwa raħal marbut ħafna mas-Soċjetà ta’ l-Istilla u ma’ San Ġorġ, u l-banda tagħna minn dejjem baqgħet tonora kull servizz f’din il-festa għażiża. Fil-fatt il-bieraħ, jum il-festa filgħaxija, il-banda “La Stella” għamlet marċ brijuż madwar diversi toroq tar-raħal, qabel il-ħruġ tal-purċissjoni. Imbagħad wara li ndaqq l-innu l-kbir, mill-banda “Santa Margerita” ta’ Sannat, fuq kompożizzjoni ta’ l-ex surmast tal-banda tagħna, Mro Giuseppe Giardini Vella, il-banda tagħna esegwiet programm mużikali fuq il-planċier fil-pjazza tar-raħal.

Il-banda ‘La Stella’ li kienet taħt id-direzzjoni tal-Prof Mro Joseph Vella, fetħet dan il-Programm bil-marcia “Stella d’Italia” ta’ Giovanni Parisi. Imbagħad il-banda daqqet silta mużikali oħra mill-isbaħ li ġabet l-isem ta’ ‘Italian Festival’ – kompożizzjoni ta’ Glenn Osser, silta ferriħija u mexxejja li ambjentat lill-folla preżenti fix-xena mużikali Taljana. Il-banda esegwiet ukoll silta mill-pinna ta’ l-ex assistant surmast Sunny Galea, ‘Overture No.1 in Bb’ – silta mqassma fi tliet movimenti u hawn ħarġu bħala solisti Mario Galea fuq il-Klarinett u Michel Refalo fuq il-Kurunetta. Wara, il-banda daqqet kompożizzjoni ta’ Peter I. Tchaikovsky – ‘A Night at the Ballet’. Din is-silta inkludiet selezzjonijiet ta’ uħud mill-melodiji immortali meħuda minn tlieta mill-balletti ta’ dan il-kompożitur Russu: ‘Swan Lake’; ‘The Nutcracker’; u ‘Romeo and Juliet’ u bħala solisti kellna għall-darb’oħra lil Mario Galea fuq il-klarinett u ż-żagħżugħ ferm promettenti Francis Joseph Borg fuq il-kwartin. Silta oħra kienet ‘Wind beneath my Wings’ ta’ L. Henley u J. Silbar, silta moderna li fiha ħarġu bħala solisti Michel Refalo fuq il-kurunetta u Anton Sacco fuq l-Ewfonju. L-aħħar silta mużikali esegwita f’dan il-Programm kienet l-overture ta’ l-opra ‘Norma’ ta’ Vincenzo Bellini, silta mill-aktar magħrufa li niżlet għasel mal-udjenza preżenti. Dawn is-siltiet kienu milqugħa tajjeb ħafna mill-pubbliku preżenti fil-misraħ ta’ dan ir-raħal. Il-banda għalqet il-Programm, bid-daqq ta’ l-Innu ta’ Santa Margerita, kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara.

Dan kien is-seba’ servizz għall-banda tagħna, barra l-festa ta’ San Ġorġ li ċċelebrajna ġimgħa ilu. Għal darb’oħra erġajna konna l-uniku banda mill-belt Victoria li ħadna sehem f’festa ċċelebrata f’Għawdex. Huwa ta’ unur għall-banda ewlenija ta’ beltna li s’issa ħadet sehem f’seba’ festi, minn tmienja li ġew iċċelebrati fi gżiritna mill-aħħar ġimgħa ta’ Mejju, meta fetaħ l-istaġun festiv. Għall-banda tagħna m’hemmx mistrieħ. Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin, il-banda jmissha tieħu sehem fi tliet festi oħra: f’San Lawrenz (2 servizzi); fil-Qala, u f’Għajnsielem.

ritratti: Paul Zammit