Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TA’ STA MARGERITA

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, eżattament il-Ħadd 24 ta’ Lulju, jum il-festa ta’ Santa Margerita fir-raħal ta’ Sannat, il-banda ċittadina La Stella ġiet mistiedna għal sena oħra biex tieħu sehem f’din il-festa. Is-servizz kien jikkonsisti f’marċ qabel il-ħruġ tal-purċissjoni u programm mużikali fil-pjazza tar-raħal. 

Fil-fatt għall-ħabta tas-sebgħa, il-banda bdiet marċ miż-żona Ta’ Ċenċ lejn il-pjazza tar-raħal, fejn hemm imbagħad assistiet għall-ħruġ tal-purċissjoni u wara ħadet post il-banda tar-raħal: il-banda Santa Margerita li esegwiet l-innu l-kbir tas-surmast Giardini Vella, fuq il-planċier. Hekk kif bdiet miexja l-purċissjoni, il-banda La Stella taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella, bdiet programm mużikali li fih esegwiet għadd ta’ xogħlijiet mill-isbaħ li għal darb’oħra ntlaqgħu ferm tajjeb minn dawk preżenti. Is-siltiet mużikali li l-banda esegwiet inkludew: Free World Fantasy  ta’ Jacob de Haan; Italian Festival arranġament ta’ Glenn Osser; The Da Vinci Code  ta’ Hans Zimmer; The Last of the Mohicans ta’ Trevor Jones; Dont Cry for me Argentina mill-film/musical Evita; Spirit: Stallion of the Cimarron ta’ Hans Zimmer; u The Mask of Zorro u My Heart will go on mill-film Titanic ta’ James Horner.

Il-banda La Stella tkompli bis-servizzi tagħha fil-festi lokali fil-weekend li ġej fejn ser tieħu sehem fil-festa ta’ San Lawrenz, b’servizz is-Sibt, lejlet il-festa, li jikkonsisti f’marċ brijuż u wara l-esekuzzjoni tal-innu l-kbir; u l-għada l-Ħadd b’marċ qasir, id-daqq tal-innu l-kbir u wara programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.