Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ F’TA’ SANNAT

Wara jiem sħaħ ta’ impenji fil-festa ad unur San Ġorġ Martri, il-bieraħ il-banda ċittadina ‘La Stella’ kompliet bl-impenji tagħha bis-servizzi fil-festi Għawdxin. Il-bieraħ kien imiss il-festa ta’ Santa Margerita ta’ Sannat, fejn il-banda tagħna għamlet marċ brijuż qabel il-purċissjoni u programm mużikali waqt il-ħin tal-purċissjoni. Dan kien it-tmien servizz għall-banda tagħna dan is-Sajf, barra l-belt Victoria. Barra dawn, il-ġimgħa li għaddiet, il-banda kellha tmien servizzi oħra parti mill-festa ta’ San Ġorġ Martri f’beltna.

Il-banda fetħet l-impenji tagħha b’marċ madwar it-toroq ewlenin tar-raħal, li ntemm fil-pjazza tar-raħal eżatt qabel bdiet ħierġa l-purċissjoni. Mal-ħruġ tal-purċissoni, l-banda ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat daqqet l-innu l-kbir, kompożizzjoni ta’ l-ex surmast tal-banda tagħna Mro Giuseppe Giardini Vella – innu li għal numru kbir ta’ snin qabel ma’ twieldet il-banda ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat, kien jindaqq mill-banda tagħna. Malli ntemm l-innu l-banda ta’ Sannat sabet postha quddiem l-istatwa biex takkumpanja l-purċissjoni u l-banda tagħna telgħet fuq il-planċier fejn hemm esegwiet programm mużikali. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast sostitut Mro Sunny Galea.

Il-banda daqqet siltiet mużikali mill-isbaħ fosthom:“The Wind beneath my wings” ta’ L. Henley u J. Silbar; Selezzjoni mill-opra lirika “Norma” ta’ Vincenzo Bellini; “Italian Festival” ta’ Glenn Osser; “Night at the Ballet” ta’ P. I. Tchaikovsky; u “Overture No. 1 in Bb” ta’ Sunny Galea. Is-servizz intemm għall-ħabta tad-9.30pm.

L-impenn li jmiss għall-banda tagħna jkun nhar il-Sibt li ġej, fejn il-banda ser tieħu sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Ġużepp ġewwa l-Qala. Il-marċ jibda fid-9.30pm.

ritratti: J. Grima/ G. Cini

28/07/2008