Join Us On:

News Archive

IL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’ FIL-QALA

Il-bieraħ, it-2 t’Awwissu, il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ kompliet bl-impenji tagħha fil-festi Għawdxin. Il-banda għal darb’oħra ġiet mistiedna ddoqq waqt il-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ġewwa r-raħal tal-Qala, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp. Dan kien id-disa’ servizz li għamlet il-banda tagħna dan is-Sajf, barra l-belt Victoria.

F’dan il-marċ popolari li għadda mit-triq prinċipali tal-Qala, u ntemm fil-Pjazza ta’ l-istess raħal, il-banda “La Stella” daqqet marċi brijużi, flimkien mal-banda “San Ġużepp” t’Għajnsielem. F’din l-okkażjoni l-banda daqqet is-sett ta’ marċi ġodda li ġie mżanżan fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Martri, fil-belt Victoria flimkien ma’ marċi oħra popolari li ndaqqu fuq talba ġenerali. Il-marċ li kien akkumpanjat minn briju kontinwu minn żgħażagħ Qalin, intemm fil-pjazza ewlenija tal-Qala, bid-daqq ta’ l-innu marċ, kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara, miż-żewġ baned mistiedna li daqqew bħala massed band. Il-marċ popolari ta’ lejlet il-festa fil-Qala, intwera wkoll f’xandira diretta fuq stazzjon televiżiv lokali.

Intant, il-ġimgħa d-dieħla, ikomplu l-impenji tal-banda tagħna, b’żewġ servizzi oħra fir-raħal ta’ San Lawrenz, fejn f’lejlet il-festa tieħu sehem f’marċ brijuż li jgħaddi mit-toroq ewlenin tar-raħal, u l-għada, nhar il-festa, il-banda tesegwixxi l-innu l-kbir “A San Lorenzo Martire” waqt il-ħruġ tal-purċissjoni u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza tar-raħal taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella.

ritratti: J. Grima/ G. Borg

03/08/2008