Join Us On:

News Archive

IKTAR TĦEJJIJIET GĦAL MILIEDFEST – THE LA STELLA GRAND CHRISTMAS SHOW

Hekk kif kull ma jmur qed noqorbu aktar lejn il-Milied u nidħlu fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien sabiħ, il-preparamenti għall-ispettaklu Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show, li se jsir nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru, fit-Teatru Astra, jinsabu fl-aqwa tagħhom.  
Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show jinvolvi fih kast ta’ madwar 300 ruħ meta wieħed jgħodd lill-grupp sabiħ ta’ atturi tfal, żgħażagħ u adulti tat-Teatru Astra, liż-żeffiena ta’ Centre Stage Dance Academy, ta’ Central Academy of Dance, ta’ The Power House, u ta’ Dance Cradle, lill-bandisti tal-banda ċittadina La Stella, lill-membri tal-kor Laudate Pueri, u lit-tim tal-produzzjoni. Din il-produzzjoni għandha toffri spettaklu ta’ mużika, żfin, drama, umoriżmu, dwal u projezzjonijiet awdjo-viżivi marbuta mal-Milied u l-maġija li jġib miegħu dan iż-żmien sabiħ. Id-direzzjoni artistika ġenerali ta’ dan l-ispettaklu hija ta’ Antonella Zammit, mgħejjuna minn Georgianne Mizzi. L-ispettaklu se jkun ippreżentat mill-preżentatriċi popolari Elaine Saliba, flimkien ma’ Julia Camilleri u Francesco Pio Attard li żgur li ma għandhom bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni fil-qasam teatrali, speċjalment fejn jidħol it-Teatru Astra.
Il-booking għal Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show jinsab miexi ġmielu. Kull min bi ħsiebu jattendi għal dan l-ispettaklu huwa mħeġġeġ jibbukkja billi jċempel fuq 99 021 591 jew jagħmel dan direttament fit-Teatru Astra, miftuħ kuljum bejn is-7.00am u l-10.00pm.
Sadanittant, matul il-ġimgħa li għaddiet tlestiet il-parti l-kbira tat-tiżjin tal-Milied fil-każin La Stella. Kull min jidħol fil-foyer tat-Teatru Astra minn din il-ġimgħa ‘l quddiem jista’ jinnota tiżjin ġdid tal-Milied li jikkumplimenta lil dak li kien jiġi armat fis-snin preċedenti. Dan sar fuq inizjattiva tal-Għaqda tal-Armar fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna.   

Ritratti:
No.2 Centre Stage Dance Academy
No.4 Dance Cradle
No.6 The Power House (RItratt ta’ Tonio Schembri)
No.7 Central Academy of Dance