Join Us On:

News Archive

IKTAR MUŻIKA, STORJA U KULTURA WAQT FESTIVAL MEDITERRANEA

Minbarra l-opra Norma, li se ssir f’Teatru Astra din il-ġimgħa, Festival  Mediterranea jippreżenta programm sħiħ ta’ attivitajiet kulturali li jfittxu li  jesponu aspetti tat-teżori u l-wirt kulturali sinjur tal-Gżejjer Maltin. Norma  tiftaħ l-għaxar edizzjoni ta’ dan il-festival, bl-ewwel rappreżentazzjoni ssir  il-Ħamis, it-tieni rappreżentazzjoni s-Sibt.

Il-festival ikompli matul il-ġimgħa b’numru ta’ attivitajiet oħra. Il-Ġimgħa 28,  l-istorja u t-teżori artistiċi tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria se  jkunu taħt il-lenti waqt żjara li matulha tingħata spjegazzjoni min-Nutar Paul G  Pisani. Iż-żjara tibda fin-12.30pm, u hija mingħajr ħlas għall-parteċipanti,  għalkemm dawn iridu jkunu quddiem il-bieb prinċipali tal-Bażilika sal-12.15pm.

Appuntament ieħor għall-istess jum hu l-kunċert tal-vjolin u l-pjanu minn Tatyana  u Natascha Chircop, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia fid-daħla tal-ġemb tal- Bażilika ta’ San Ġorġ. Anke’ din l-attività qed issir mingħajr ħlas bil-kunċert  jibda fit-8pm. L-aħwa Chircop huma vjolinista u pjanista mill-ifjen  rispettivament, li daqqew f’kunċerti kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta  filwaqt li rrekordjaw numru ta’ CDs. F’dan il-kunċert huma se jdoqqu numru ta’  biċċiet interessanti fosthom Rapsodija Maltija Op. 26 ta’ Joseph Vella imma wkoll  xogħlijiet ta’ Cesar Espejo, Manuel de Falla u Franz Drdla.

Il-festival jitratta wkoll elementi importanti tal-kultura tal-ikel tal- Mediterran b’żewġ attivitajiet. L-ewwel attività, dik tas-Sibt 29 t’Ottubru, hi  żjara f’għelieqi fejn jitkabbru d-dwieli mill-familja Cauchi fl-Għarb u li  minnhom isir inbid lokali ta’ kwalità għolja. It-tieni attività, dik tal-Erbgħa 2  ta’ Novembru, hi żjara f’postijiet fejn jinħadmu prodotti tal-ikel fosthom fis- salini, fejn isiru l-ġbejniet, fejn jingħasar iż-żebbug għaż-żejt u anke fejn  jitkabbar il-faqqiegħ.

Attività oħra interessanti hi l-kunċert li fih se jiehdu sehem solisti mill-Banda  Filarmonika La Stella li, għalkemm fil-parti l-kbira tagħhom żgħażagħ, matul is- snin iddistingwew irwiehhom fid-daqq tal-istrument tagħhom tar-ram tant li kemm- il darba daqqew bħala solisti. Il-kunċert se jsir fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia  fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru u jibda fit-8pm. Din hi  attività oħra li għaliha m’hemmx ħlas għad-dħul.

Fl-istess żmien se tkun għaddejja wkoll wirja tal-arti bix-xogħlijiet ta’ Richard  Saliba, fis-sala tal-wirjiet art..è Gallery, f’1 Triq il-Librerija, Victoria. Il -wirja tibqa’ għaddejja sat-30 t’Ottubru, u hi miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt bejn  id-9.30am u l-12.15pm.

Appuntament ieħor importanti fil-festival huwa dak tat-12 ta’ Novembru meta se  jkun hemm lecture mill-artist u storiku Mark Segona.  Is-suġġett li se jitkellem  fuqu fil-lecture on site huwa Baroque to Romantic: Gozo’s Masterpieces.  Il-ħin  ta’ dan l-appuntament ikun bejn id-9.00 am u 1.00 pm. Tluq minn fejn it-Teatru  Astra.  Il-prezz huwa ta’ €5.  Importanti li wieħed jibbukkja.

Festival Mediterranea hu organizzat minn voluntieri fi ħdan Teatru Astra u jibqa’  għaddej sad-19 ta’ Novembru. Programm sħiħ ta’ attivitajiet hu ppubblikat fis-sit  elettroniku www.mediterranea.com.mt. Iktar informazzjoni tinkiseb bit-telefon fuq  in-numru 21550985, waqt li prenotazzjonijiet jistghu jsiru fuq 79256897 jew  [email protected].