Join Us On:

News Archive

IKTAR ATTIVITAJIET WAQT FESTIVAL MEDITERRANEA

Tmiem din il-ġimgħa jġib miegħu iktar attivitajiet kulturali bħala parti mid-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat mit-Teatru Astra fil-parti l-kbira tiegħu f’Għawdex, u li jkompli sas-27 ta’ Novembru.
 
Ggantija – the story retold, the experience relived hi żjara b’differenza f’dan is-sit preistoriku uniku fejn l-arkeologu u l-istudjuż Ingliż Dr David Trump jaqsam l-esperjenza tiegħu ta’ dan is-sit, wara introduzzjoni mhux tas-soltu. L-attività se ssir illum il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru, bil-parteċipanti mistiedna jiltaqgħu mal-organizzaturi fid-daħla tat-tempji fl-3.45pm.
 
Iktar tard illum Festival Mediterranea jkompli bil-produzzjoni minn The Gozo Creative Theatre Club tat-traduzzjoni bl-Ingliż tat-traġedja ta’ Ewripide Trojan Women, li se ssir fuq il-palk tat-Teatru Astra fit-8.00pm. Id-dħul għal din il-produzzjoni, li qed tirritorna wara s-suċċess li kisbet is-sajf li għadda, hu fuq bażi ta’ first-come first-served.
 
Għada s-Sibt 6 ta’ Novembru jiġu fi tmiemhom l-attivitajiet bit-tema tal-preistorja, b’seminar ta’ nofs ġurnata intitolat The Mystery of the Cart-Ruts and the many questions that they pose. Is-seminar, li d-dħul għalih hu b’xejn, se jsir fis-sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għal Għawdex fi Pjazza San Frangisk, il-belt Victoria, u jibda fid-9.00am. Jinvolvi s-sehem ta’ Dr David Trump, il-Professur Anthony Bonanno, il-Professur Derek Mottershead, Joe Magro Conti u Daniel Cilia li se jiddibattu s-suġġett mill-iktar kontroversjali tal-kalati.
 
Il-programm ikompli, is-Sibt 6 ta’ Novembru wkoll, b’kunċert minn solisti tal-Banda La Stella u minn brass ensemble tal-istess banda. Is-solista Mario Galea fuq il-klarinett ser jesegwixxi x-xogħol mill-isbaħ tal-kompożitur Taljan Giaochino Rossini Introduction, Theme and Variations. George Camilleri fuq l-Ewfonju ser jesegwixxi żewġ kompożizzjonijiet kontemporanji, Aubade ta’ Philip Sparke u Brillante ta’ Peter Graham. Galea u Camilleri se jkunu akkumpanjati mill-pjanista Antoine Theuma. F’dan il-kunċert ser jieħu sehem ukoll il-klarinettista George Apap li ser jesegwixxi Three Fantasy Pieces tal-kompożitur Ġermaniż, Robert Schumann, li din is-sena qed infakkru t-tieni ċentinarju mit-twelid tiegħu. Aktar tard jingħaqad miegħu l-klarinettista Noel Beċk,  assistent surmast tal-istess banda, u flimkien ser jesegwixxu l-Concerto in Bb Major ta’ Carl Stamitz għal żewġ klarinetti. Takkumpanja l-pjanista Yvette Galea.
 
Fit-tieni parti tal-programm iddoqq il-brass ensemble tal-istess banda ffurmata minn Clint Gatt (Trumbetta), Robert Buttigieg (Trumbetta), Nathanael Zammit (Trumbetta), Ino Attard (Althorn), George Camilleri (Ewfonju), Anton Sacco (Ewfonju), Antoine Theuma (Tuba) u Aaron Cini (Trumbun) li ser idoqqu Gabriel’s Oboe ta’ Ennio Morricone b’arranġament ta’ John Ivan Borg; l-arranġament ta’ John G. Mortimer, The Beatles,u xogħol mill-isbaħ għal brass quintet tal-Professur Joseph Vella, direttur mużikali tal-banda La Stella, bl-isem Preghiere. Il-kunċert li ser isir fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, fil-bażilika ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria, jibda fis-7.30pm. Id-dħul hu b’xejn.
 
L-appuntamenti mużikali din il-ġimgħa jkomplu b’kunċert li m’għandux jintilef minn dawk kollha li jħobbu l-mużika lirika. Il-kunċert vokali, bis-sehem tas-sopran Letizia Colajanni u t-tenur Leonardo Alaimo, it-tnejn minn Sqallija, se jsir il-Ħadd 7 ta’ Novembru fit-8.00pm, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia. Id-dħul għalih hu wkoll b’xejn.
 
Festival Mediterranea ikompli b’numru ta’ attivitajiet oħra matul dan ix-xahar sas-Sibt 27 ta’ Novembru. Lista sħiħa tal-attivitajiet tinsab fuq is-sit uffiċjali www.mediterranea.com.mt. Biljetti jew informazzjoni jistgħu jinkisbu minn 21550985 jew [email protected].