Join Us On:

News Archive

IKOMPLU L-FESTI KBAR F’BELTNA

Fl-ewwel jum tat-tridu, minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet interni, kellna wkoll it-tieni dimostrazzjoni, din id-darba bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. F’din l-okkażjoni l-banda tagħna żanżnet is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi għas-sena 2008. Akkumpanjat ukoll id-dimostrazzjoni, il-banda ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat.

Id-dimostrazzjoni kienet ikkaratterizzata minn briju kontinwu tul ir-rotta kollha li għadda minnha l-marċ, b’mod speċjali fi triq ir-Repubblika, fejn iż-żewġ baned imxew flimkien u daqqew ukoll l-innu marċ ‘Lill-Kbir Martri San Ġorġ’ bħala massed band. Spikka wkoll in-numru kbir ta’ nies li attendew. Id-dimostrazzjoni ntemmet fi Pjazza San Ġorġ fejn l-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel ittellgħet fuq il-pedestall tagħha li proprju din is-sena tlesta x-xogħol fuqu – pedistall mill-isbaħ li kompla żejjen pjazza li llum il-ġurnata hija waħda rikka ħafna bl-armar li fiha.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, bħala sinjal ta’ luttu lejn seħibna Anton Vella, li ħalliena kmieni l-bieraħ filgħodu ma nħaraqx logħob tan-nar ta’ l-ajru mill-Għaqda tan-nar tagħna. Dan il-ġest ser jibqa’ għaddej sal-ħin tal-funeral.

Il-banda ‘La Stella’ illum fl-4.30pm ser tagħti l-aħħar tislima lil Anton Vella permezz ta’ daqq ta’ marċi funebri tul il-korteo funebri minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.

Filgħaxija mbagħad ikomplu l-festi f’ġieħ San Ġorġ, bit-tielet dimostrazzjoni, din id-darba bl-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ, Patrun t’Għawdex.

17/07/2008

Ritratti: Joe Attard ©