Join Us On:

News Archive

IKOMPLI L-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Il-Victoria International Arts Festival, li inawgura l-festi ad unur San Ġorġ Martri fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, għadu għaddej u jinsab issa fit-23 jum tiegħu. F’dawn il-ġranet kellna fostna diversi artisti lokali u artisti barranin li tellgħu kunċerti mill-aqwa fi Pjazza San Ġorġ, Pjazza Indipendenza u fl-Aula Mgr Giuseppe Farrugia, fiċ-ċentru kulturali ta’ San Ġorġ.

Nhar it-Tnejn 23 ta’ Ġunju, il-Festive Brass Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Borg, tellgħu kunċert mill-isbaħ fi Pjazza San Ġorġ. Kunċert simili li ukoll attira numru kbir ta’ nies u li sar fl-istess post, ittella’ nhar l-Erbgħa li għadda 2 ta’ Lulju, mill-Big Band Brothers immexxija minn Daniel Cauchi.

Din is-sena wkoll l-organizzaturi ħasbu biex jagħu l-opportunità lil mużiċisti żgħażagħ biex jesprimu t-talenti mużikali tagħhom f’kunċert li sar nhar l-24 ta’ Ġunju fl-Aula Mgr Farrugia. F’dan il-kunċert ħadu sehem studenti li jattendu l-iskola tal-mużika t’Għawdex. Qabel dan il-kunċert Mro Stephen Attard għamel preżentazzjoni ta’ kompożizzjonijiet mużikali tiegħu. Din ukoll hija inizjattiva li qed tiġi mtella’ ta’ kull sena u li qed tingħoġob ħafna ma’ l-udjenza li taddendi regolarment għal dawn il-kunċerti.

Il-kunċerti fl-Aula Mgr Farrugia komplew l-għada fejn kellna fostna lil żewġ mużiċisti Taljani, Marco Falaschi fuq is-Saxophone u Marco Podesta fuq il-pjanu, kif ukoll il-Ħamis 26 ta’ Ġunju fejn ittella’ kunċert mill-Oden Ensemble for Contemporary Music minn Franza, immexxija minn Christophe Vella.

L-għada l-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju fi pjazza Indipendenza ttella’ spettaklu mill-aqwa ta’ żfin mill-iskola ta’ Alison White, spettaklu li wkoll ġibed lejn iċ-ċentru ta’ beltna attendenza kbira. Il-kunċerti fl-Aula Mgr Farrugia komplew is-Sibt 28 ta’ Ġunju fejn kellna lis-Sopran Adriana Jordanova mir-Russja akkumpanjata minn Joanna Camilleri fuq il-pjanu. Huma tellgħu kunċert b’mużika tal-kompożitur Taljan Giacomo Puccini.

It-Tnejn 30 ta’ Ġunju fl-istess Aula kellna lil duo Franċiż, Philip Bride fuq il-Vjolin akkumpanjat minn Nathalie Lanoe fuq il-pjanu. L-għada t-Tlieta l-1 ta’ Lulju mill-ġdid kellna fostna talent lokali. F’din il-ġurnata ttella’ kunċert mis-sopran Georgina Gauci li kienet akkumpanjata mill-pjanista Maria Frendo.

Fil-jumejn li għaddew kellna fostna mbagħad lil ASAG String Quartet mill-Awstrija u lis-Sopran Elizabeth Freundlinger u l-baritonu Benno Schollum, ukoll mill-Awstrija li kienu akkumpanjati mill-pjanista Maria Frendo.
Il-Victoria International Arts festival jibqa’ għaddej sa l-14 ta’ Lulju, fejn dakinhar ikollna kunċert grandjuż mill-Kor ‘Laudate Pueri’ tal-bażilika ta’ San Ġorġ flimkien ma’ l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.

Nixtiequ nieħdu l-okkażjoni biex minn hawn nirringrazzjaw mill-qalb lill-fotografu Joe Attard li ta’ kuljum iżomm l-appuntament tiegħu u jibagħtilna r-ritratti ta’ kull kunċert li qed jittella’.

05/07/2008