Join Us On:

News Archive

IKOMPLI L-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Wara l-ftuħ eċċezzjonali tal-ħdax-il edizzjoni tal-festival nhar it-8 ta’ Ġunju mill-kor ta’ St Mary’s College, f’dawn l-aħħar għaxart ijiem kellna xejn inqas minn ħames kunċerti oħra. F’dawn il-kunċerti kellna mistiedna minn pajjiżna l-‘Euphoric Brass Quartet’ li taw kunċert mill-isbaħ fi Pjazzetta San Ġorġ tal-Ħaġar li ġiet armata għall-okkażjoni. F’dan il-Quartet daqq ukoll wieħed mill-bandisti tal-banda tagħna, George Camilleri fuq l-Euphonium flimkien ma’ tliet mużiċisti oħra Maltin. Barra dan il-kunċert kellna kunċert ieħor minn Elizabeth Leonardi fuq il-pjanu; kunċert ieħor mid-duo Natasha Chircop u Marco Rivoltini; kunċert minn Simon Schembri fuq il-gitarra u kunċert ieħor minn żgħażagħ ferm promettenti Sarah Spiteri fuq il-Vjolin u Alex Vella Gregory fuq l-orgni. Dawn il-kunċerti saru kollha fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia. Mil-lum sal-14 ta’ Lulju l-Victoria International Arts Festival, l-akbar festival kulturali f’pajjiżna jibqa’ għaddej bla waqfien. Proprju llejla għanda lekċer minn Dr Maria Frendo, waħda mill-organizzaturi ta’ dan il-festival prestiġjuż dwar Oliver Messiaen (1908-1992), kompożitur Franċiż, li proprju din is-sena nfakkru l-mitt sena mit-twelid tiegħu.

Għada mbagħad ikun imiss il-‘La Stella Clarinet Ensemble’ (ritratt) – 4 klarinettisti żgħażagħ, bandisti mal-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ li ser jagħtu kunċert b’varjazzjoni ta’ mużika klassika, jazz u kontemporanja. Għal dawn l-aħħar snin, is-sezzjoni ta’ l-allievi tal-banda tagħna dejjem ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dan il-festival organizzat bħala parti mill-festi ad unur San Ġorġ Martri, u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni. Il-kunċerti kollha ta’ dan il-festival qed jibdew fit-8.00pm u d-dħul huwa b’xejn. Il-kunċert t’għada ser isir ukoll fl-Aula Mons. Giuseppe Farrugia.

Aktar tagħrif dwar il-kunċert mil-‘La Stella Clarinet Ensemble’ u kunċerti oħra mill-Victoria International Arts Festival fil-jiem li ġejjin. Żommu ruħkom aġġornati dejjem fuq is-sit www.lastella.com.mt.mt, kif ukoll fuq is-sit tal-parroċċa www.stgeorge.org.mt.

18/06/2008

ritratti: Joe Attard