Join Us On:

News Archive

IKOMPLI L-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Hekk kif jitgerrbu l-jiem sħan tas-sajf kemmxejn qalil tagħna, jibqa’ għaddej il-Victoria International Arts Festival 2007, edizzjoni speċjali li qiegħed ifakkar l-għaxar anniversarju mill-fundazzjoni tiegħu, festival li mhux bhal festivals oħra, ġie sabiex jibqa’, festival li fi ħdanu qegħdin naraw u nsegwu kantanti solisti, korijiet u mużicisti li wħud minnhom diġa’ sabu posthom fin-niċeċ mużikali w’artistiċi tagħna.

Il-ġimgħa l-oħra segwejna mużika ta’ Mozart, Kluck u Bach ippreżentata b’mod stupend permezz ta’ Silvio Zammit fuq il-flawt u Ramona Zammit fuq il-pianforte, żewġ artisti li ġibdu l-ammirazzjoni ta’ dawk kollha preżenti.

Nhar il-Ħamis kien hawn mistiedna żewġ kantanti operistiċi mis-Slovenia, b’wieħed minnhom, il-baritonu Jaki Jurgec midħla sew tagħna peress li rajnieh ikanta fit-Teatru Astra kemm fil-Boheme u anke riċentament fil-Pagliacci. Miegħu deher it-tenur b’vuċi ħelwa ħafna Tim Ribic, tenur li għaxxaq sala bil-vuċi tiegħu, vuċi mimlija, vuċi b’saħħitha. Dawn it-tnejn ippreżentaw serata b’diversi siltiet popolari kemm mill-opra kif ukoll dawk tradizzjonali Taljani. Fosthom u milqugħa b’tant applaws assistejna għal ‘Torna a Surriento’, ‘Santa Lucia’ u finalment ‘Funiculi Funicula’. Kunċert ieħor ta’ klassi liema bħala!

Ta’ interess partikulari kienet is-serata li fil-bidu tagħha smajna ‘lecture’ stupend ippreżentat minn Alexander Vella Gregory, kompożitur żgħażugħ, li tkellem dwar xi xogħlijiet mużikali tiegħu. Wara din il-lecture interessanti kien imiss li nisimgħu diversi siltiet muzikali interpretati fuq il-pjanu u kant minn mużiċisti żgħażagħ li kienu mistiedna jagħmlu id-debutt tagħhom propju waqt din is-serata. Dawn kienu Michela Galea u Christine M Borg fuq il-pianoforte u l-mezzo sopran Rachel Curmi. Is-serata ingħalqet minn bandist żgħażugħ fi ħdan il-Banda “La Stella”, George Apap, li interpreta sonata għall-klarinett u pianforte ta’ Martin Ellerby.

U hawn, qabel inkompli, nixtieq infaħħar l-inizzjattivi tal-Prof Joseph Vella u l-kollegi tiegħu ta’ dawn l-oppurtunitajiet li jagħtu lil dawn il-mużiċisti żgħażagħ sabiex jidhru fil-pubbliku waqt serati bħal dawn. Intant is-Sibt 23 ta’ Ġunju reġa’ kellna Trio mill-Ingilterra. Din id-darba kellna lil Roberto Meoni fuq il-Clarinet, Simon Webb fuq il-Violincello u John Grundy fuq il-pjanu. Dan kien kunċert ieħor li ġibed ħafna nies, fejn fih smajna siltiet ta’ J. Brahms, N. Rota u J. Vella. Il-bieraħ kellna kunċert ftit differenti minn tas-soltu. Dan għall-fatt li sar fuq il-bejt tal-bażilika. F’dan il-kunċert daqqew l-Island Brass, grupp ta’ mużiċisti Għawdxin, fosthom George Camilleri fuq l-Euphonium li wkoll huwa bandist mal-banda ‘La Stella’. F’dan il-kunċert li ttella’ f’atmosfera mill-isbaħ u mill-aktar rilassanti smajna siltiet varji, fosthom kompożizzjonijiet ta’ Morricone, Berlin, Monteverdi, Cohan, Beethoven, Gershwin u Vella. Il-grupp kollu kien iffurmat minn Jason Camilleri u Don Gates (Trumpets); George Camilleri (Euphonium); Antoine Theuma (Tuba) u Andrew Portelli (Trombone). Il-mistednin kienu mmexxija mill-Arċipriet Mons Ġużeppi Farrugia, id-direttur artistiku Joseph Vella, kif ukoll Dun Ġorġ Frendo u Maria Frendo, koordinaturi ta’ dan il-fesival.

Il-kunċerti jibqgħu għaddejjin ukoll din il-ġimgħa. Proprju f’din il-ġimgħa u anke fil-ġimgħa ta’ wara ser jittellgħu kunċerti kuljum. Jispikka fost l-oħrajn kunċert mill-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” mmexxija minn Dun Ġorġ Frendo u Dr. Maria Frendo, nhar is-Sibt 30 ta’ Ġunju. F’din l-okkażjoni ser tiġi inawgurata sistema ġdida ta’ dawl fil-bażilika tagħna. Minn hawn inħeġġukom biex tkomplu tattendu għal dawn il-kunċerti…kunċerti mill-aqwa li bla dubju qed ikomplu jkabbru l-festa t’Għawdex ad unur San Ġorġ Megalomartri.

(Ritratti: Joe Attard)