Join Us On:

News Archive

IĊĊELEBRATA L-FESTA TAL-KUNĊIZZJONI

Fil-jiem li għaddew, il-belt Victoria ċċelebrat il-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, festa li għandha rabtiet speċjali kemm mal-parroċċa ta’ San Ġorġ, kif ukoll mas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”. Fil-knisja konventwali ta’ San Franġisk ġew iċċelebrati l-festi interni f’ġieh Marija Immakulata, fejn l-Arċipriet Emeritu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Mons. Ġużeppi Farrugia niseg l-paninġierku f’jum il-festa, waqt il-koncelebrazzjoni solenni. Fiċ-ċelebrazzjonijiet interni ħa sehem ukoll il-kapitlu Ġorġjan, immexxi mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, u l-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo, li huwa wkoll maestro di cappella f’din il-knisja.

Lejlet il-festa, il-banda “La Stella” mexxiet id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u fi tmiem il-marċ, li għadda mill-inħawi tal-knisja Franġiskana, l-istatwa ttellgħet fuq il-pedestall monumentali tagħha fi Pjazza San Franġisk. Wara li ntemm il-marċ kien hemm ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar.

Sfortunatament it-temp mhux dejjem jippermetti, u hekk kien il-każ din is-sena. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, f’jum il-festa, il-purċissjoni ġiet imħassra, u l-festi ġew fi tmiemhom bid-daqq ta’ l-antifona u l-barka sagramentali għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija. Tul din il-festa ġie mżanżan armar ġdid għall-festi esterni fosthom numru ta’ bandalori għall-pjazza u anke numru ta’ pavaljuni ġodda għal Triq Vajrinġa. B’xorti ħażina dawn ma tantx setgħu jitgawdew minħabba l-kundizzjoni tat-temp. Hawn pero’ wieħed xorta jrid japprezza x-xogħol kbir li qed isir tul is-sena bi preparazzjoni għal din il-festa tant maħbuba minna l-Ġorġjani – il-festa ta’ ommna Marija Immakulata.

[ritratti: Joe Attard ©]