Join Us On:

News Archive

IĊĊELEBRATA L-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

Ix-xahar ta’ Diċembru, iġib miegħu l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni – waħda mill-aħħar festi tas-sena, iċċelebrata f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna. F’Għawdex din il-festa Marjana tiġi ċċelebrata fil-Qala’ u fil-belt Victoria, mill-komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani. 

Din il-festa hija festa għażiża wkoll għall-partitarji kollha tal-Istilla, u għalhekk ma jonqosx is-sehem tal-banda tagħna f’dawn il-ġranet tal-festa. Fil-fatt il-banda dekana ilha tieħu sehem f’din il-festa sa minn qabel l-1881. 

Proprju lejlet il-festa l-banda ħadet sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, xogħol l-artist Pawlu Aquilina li ttellgħet fuq il-pedistall tagħha fi Pjazza San Franġisk fost id-daqq tal-Ave Maria. Matul id-dimostrazzjoni l-banda daqqet sett ta’ marċi brijużi. 

F’jum il-festa, il-banda għamlet marċ qasir qabel il-purċissjoni u wara sabet postha fuq iz-zuntier fejn hemm esegwiet l-innu l-kbir Lodate Maria tal-kompożitur G. Flamingo, bis-sehem tal-kor u s-solisti, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Il-banda mbagħad imxiet quddiem l-istatwa artistika ta’ Ommna Marija Immakulata fejn esegwiet sett ta’ marċi reliġjużi. ll-purċissjoni mxiet lejn Triq ir-Repubblika, għal quddiem il-każin La Stella fejn hawn il-banda sellmet lil Marija Immakulata bid-daqq tal-Ave Maria, kif ukoll tal-Innu marċ, kompożizzjoni mill-isbaħ tal-Prof. Joseph Vella. Il-purċissjoni għaddiet lejn Pjazza San Ġorġ, Triq Karita’, Triq Vajrinġa u lura lejn Pjazza San Franġisk. L-istatwa ddaħlet lura fil-knisja konventwali ta’ San Franġisk fost id-daqq ta’ l-Ave Maria.

Bandist Ġdid
James Mizzi, ingħaqad mal-banda ċittadina La Stella proprju fl-okkażjoni tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Huwa ħareġ idoqq il-klarinett. James beda t-tagħlim tat-teorija tal-mużika mal-għalliem tal-alljievi George Apap, u wara kompla bit-taħriġ fuq l-istrument mal-istess għalliem, flimkien mal-Assistent Surmast Noel Beck. Lil James nawgurawlu ħafna snin ta’ servizz mal-banda tagħna, u nieħdu l-okkażjoni biex inħajru aktar tfal u żgħażagħ biex jibdew jitħarrġu xi strument mal-banda tagħna, u b’hekk inkomplu nsaħħu l-futur tas-Soċjeta’ tagħna.

ritratti: Joe Attard