Join Us On:

News Archive

IĊĊELEBRATA L-FESTA TA’ SANTA ĊEĊILJA

Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru, ġiet iċċelebrata l-festa tal-patruna tal-mużiċisti, Santa Ċeċilja. L-Għaqda Każini tal-Baned ħadet l-inizjattiva biex torganizza quddiesa u marċ qasir li jfakkar din il-festa. L-għan tagħha huwa li minn din is-sena, din il-festa tiġi mfakkra fuq bażi nazzjonali. 

Il-banda ċittadina La Stella ġiet mistiedna biex tagħmel marċ, eżatt kif tintemm quddiesa mmexxija mill-E.T. Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech fil-bażilika ta’ San Ġorġ – quddiesa li għaliha ġew mistiedna rappreżentanti tas-soċjetajiet mużikali kollha Għawdxin. Fil-fatt għal din l-okkażjoni, kienu disa’ s-soċjetajiet mużikali li pparteċipaw – is-Soċ. Filar. La Stella; u l-baned Mnarja (Nadur); Victory (Xagħra); San Ġużepp (Għajnsielem); Ite ad Joseph (Qala); Santa Margerita (Sannat); Prekursur (Xewkija); San Girgor (Kerċem); u Viżitazzjoni (Għarb). 

Ir-rappreżentanti tas-soċjetajiet kienu lkoll preżenti għall-quddiesa, bl-istandard tas-Soċjeta’. Wara l-quddiesa, dawn ilkoll immarċjaw wara l-banda dekana – il-banda La Stella, li bħala l-ewwel soċjeta’ mużikali Għawdxija, mexxiet dan il-marċ minn pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika. Il-marċ intemm quddiem il-każin La Stella, fejn hemm imbagħad kulħadd kien mistieden għal riċeviment, li matulu saru wkoll xi preżentazzjonijiet.

ritratti: Joe Attard