Join Us On:

News Archive

ĦIDMET L-GĦAQDA TA’ L-ARMAR

Element importanti fil-festa ta’ San Ġorġ dejjem kien l-armar tal-festa, mertu tal-patrimonju uniku li writna mingħand missirijietna u anke ta’ l-inizjattivi li matul l-aħħar snin ittieħdu sabiex jiġi rinovat u prodott armar ġdid. Il-proġetti ġodda li saru matul l-aħħar snin huma x-xhieda, jekk din qatt kien hemm bżonn, li l-armar tal-festa ta’San Ġorġ huwa mhux biss element importanti ħafna fil-festa ta San Ġorġ iżda katalist fix-xena tal-armar tal-festi esterni fil-gżejjer Maltin.

Responsabbli mill-organizazzjoni tal-armar fil-festa ta’ San Ġorġ hija l-Għaqda ta’ l-Armar fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-Kumitat għal din is-sena kien iffurmat minn Raymond Farrugia (President), Raymond Mizzi (Vici-Presidnet), Victor Said (Segretarju), Manuel Attard (Kaxxier), Joseph Cauchi, Ino M Attard, Emanuel John Farrugia, Kevin Vassallo, George Camilleri, Josef Camilleri, Twanny Mizzi u Michel Buttigieg.

Il-ħidma tal-kumitat matul din is-sena kienet pass ieħor f’direzzjoni li ġiet meħuda ftit ta’ snin ilu meta l-kumitat ta’ l-armar ġie rinovat, u f’dawn is-snin il-membri ta’l-għaqda taħt id-direzzjoni ta’ Raymond Farrugia ħadet inizjattivi li saħħew l-qafas tal-festi esterni.

PROĠETTI ĠODDA

PJAZZA SAN ĠORĠ

Fost il-proġetti ta’restawr li sar din is-sena, l-Għaqda ta’ l-Armar ikkummissjonat lil Michael Camilleri Cauchi biex jagħmel xogħol fuq l-istatwa ta’ Polikronja wara li fis-sena 2006 sar ir-restawr fuq l-istatwa ta’ Ġeronzju. Wara li s-sena li għaddiet ġew mżanżna ż-żewġ pedestalli ġodda għall-istatwi ta’ Ġeronzju u Polikronja, xogħol sabiħ ta’l-injam, matul din s-sena sar fuqhom ix-xogħol fin ta’ rħamar, sinonimu ma’ l-armar tal-festa ta’ San Ġorġ, mill-artist Rabti Joseph Cauchi, membru ta’ l-Għaqda ta’l-Armar. Id-dekorazzjoni fuq dan il-pedestall inħadmet mill-artist Renzo Gauci, filwaqt li Karmnu Farrugia għamel l-induratura. Matul din is-sena ser tiġi ffinalizzata d-dekorazzjoni u l-irħamar fuq il-pedestall ta’ San Ġorġ taż-żiemel, monument mill-isbaħ ta’ l-arti ġewwa pajjiżna. Għall-festa ta’ din is-sena tlesta l-irħamar fuq il-vażuni ta’ l-injam li ġew mżanżna fil-festa ta’ l-2006.

PJAZZA INDIPENDENZA

Matul dawn l-aħħar snin Pjazza Indipendenza saru xogħlijet kbar ta’ rinovazzjoni fl-armar. Din is-sena ukoll, f’din il-pjazza ewlenija ta’ gżirintna, id-dilettanti ta’ l-armar jistgħu jitpaxxew b’xogħlijiet ġodda li ser jiżżanżnu f’din is-sena. Mis-sett ta’ statwi ġodda li ġew ikkummissjonati ħames snin ilu, din is-sena ser tiżżanżan l-istatwa ta’ San Gijonisju Martri, xogħol ta’ Aaron Camilleri Cauchi. Din l-istatwa ġiet mħallsa minn George Fenech. Din l-istatwa ser tkun kompluta b’induratura tad-deheb u palma u raġġiera tal-white metal. L-Għaqda ta’ l-armar ħadet ħsieb tikkummissjona tnax-il pum tal-white matal għall-bandalori l-ġodda tat-trofej, disinn ta’ Joseph Cauchi. Għall-istess trofej ġew meħjuta sitta u tletin bandiera minn Victor Said.

Il-patrimonju ta’ armar tas-Soċjetà La Stella jikludi statwi ta’ l-istatwarju Vincenzo Cremona. Dawn l-istatwi sofrew divesi interventi infeliċi minbarra l-ħsarat ta’ l-elementi. Din is-sena l-artist Michael Camilleri Cauchi ġie kkummisjonat biex jirrestawra l-ewwel statwa mis-sett ta’ Virtujiet (it-Tama) xogħol ta’Vincenzo Cremona (1895).

VARJI

Għall-festa ta’ l-2007 Triq Vajrinġa ser tilbes l-isbaħ libsa għall-festa ta’ San Ġorġ, bit-tlestija tal-pavaljuni tad-drapp kapulavur biċċa xogħol fid-disinn Rocco-co ta’ l-artist Joseph Cauchi. Anke Triq Karita, viċin il-tempju tal-gżira, ser tara l-ewwel pavaljun tad-dawl ġdid minn sett ta’ 8, disinn ta’ Joseph Cauchi, xogħol ta’ Michel Buttigieg u Raymond Farrugia. Raymond Farrugia u Raymond Mizzi ikkordinaw ix-xogħol fuq ri-restawr ta’ 3 pedestalli ġodda li fuqhom jintramw l-istatwi tar-reġina Alessandra, l-anġlu tal-Banda u San Mikiel. Ix-xogħol ta’ rħamar sar minn Joseph Cauchi u d-dekorazzjoni nħadmet minn Silvio Pace.

L-Għaqda ta’ l-armar din is-sena qed tirregala lis-Soċjetà tliet bnadar ġodda għal fuq l-arblu tal-Każin La Stella. Dawn ġew meħjuta minn Nazzareno Galea mgħejjun minn Charlie Ballucci fuq inizzjattiva ta’ Mark Schembri u Raymond Farrugia.

Minbarra ħidma fuq l-armar, matul din is-sena l-Għaqda kellha sehem prinċipali fil-bini u d-disinn tas-sett tat-tliet opri li saru ġewwa t-Teatru Astra: Suor Angelica; Cavalleria Rusitcana u Pagliacci. Ix-xogħol tmexxa minn Joseph Cauchi, mgħejjun minn membri ta’ l-għaqda.

L-Għaqda ta’ l-armar taf ħafna mis-suċċessi tagħha lill-benefatturi li matul is-sena jsostnuha b’mod finanzjarju u morali. Grazzi partikluari jmur lil G&M Woodworks, FXB Group of Companies, GFS (Ta’ l-Orjenti), AF Ellis (Home Decor Ltd), UDS Ltd., Forestals, Taqsima Xogħlijiet Pubbliċi, George Farrugia, Joe Grima, Jason Farrugia, Marco Attard u Twanny Aquilina.