Join Us On:

News Archive

IĦALLINA MONS. GEORGE BEZZINA

Fil-ġranet li għaddew tħabbert, b’niket, il-mewt ta’ Mons. George Bezzina – membru tal-Kapitlu ta’ San Ġorġ Martri, saċerdot li kellu ħafna għal qalbu l-Knisja u d-Djoċesi ta ‘Għawdex. Huwa ħalliena nhar it-13 ta’ Settembru 2012, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fir-Rabat, fl-età ta 58 sena.
Huwa ġie ordnat saċerdot f’Ġunju 1990. Dun Ġorġ, kif wara kollhox kien magħruf minn ħafna, kellu kwalitajiet mill-aqwa imma l-aktar li tispikka hija l-predikazzjoni tiegħu.  Hu kien imfittex mill-parroċċi kollha t’Għawdex kif ukoll minn xi wħud ta’ Malta. Serva ta’ kappillan tal-Fontana bejn l-1991 u l-2008 – liema perjodu ra tiġdid kbir f’din il-parroċċa, żmien li fih s-Soċjetà u l-Banda La Stella, bħal ma għadha sal-lum, kienet parteċipi fil-mumenti l-aktar importanti tal-kommunità tal-Fontana. Dun Ġorġ kellu devozzjoni kbira lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu u żgur li jibqa mfakkar mill-parruċċani tal-Fontana għad-dedikazzjoni u l-inizjattiva li kellu meta kien kappillan tagħhom.
Fl-2009 kien sar Cappellano di sua Santità bit-titolu ta’ Monsinjur, u aktar tard fl-2011 huwa nħatar amministratur ta’ San Ġakbu fir-Rabat. Huwa ħadem ukoll fit-Taqsima Finanzi fil-Kurja ta ‘Għawdex.
Għal numru ta’snin Dun Ġorġ għamel programmi tant popolari fuq Leħen il-Belt Victoria, r-radju tal-kommunità tagħna, kif ukoll fuq RTK. Dun Ġorġ kien sors kbir ta’ wens għal min kien ibati jew qiegħed f’xi sitwazzjoni partikulari. F’Lulju 2010 hu għamel ukoll t-Tridu ad unur  San Ġorġ fil-Bażilika tiegħu fir-Rabat.  Il-Funeral tiegħu se jsir fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, nhar it-Tlieta 18 ta’ Settembru 2012 u l-quddiesa tkun fil-5 pm.  Għal aktar dettalji dwar il-funeral u l-koreteo wieħed jista’ jidħol f’dan il-link

Fil-ġranet li ġejjin il-bandiera fuq l-Każin ser tkun qed tperper mezz-asta biex issellem il-memorja ta’ dan is-saċerdot Ġorġjan. Is-Soċjetà La Stella testendi l-kondoljanzi lill-familja tal-mibki Mons. Bezzina.