Join Us On:

News Archive

GOZO’S PATRON SAINT: CD ĠDID TA’ MARĊI BRIJUŻI 2008

“Gozo’s Patron Saint” huwa l-isem ta’ CD ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa ta’ San Ġorġ Martri, mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’. Dan huwa l-għoxrin CD ta’ marċi li l-banda dekana ħarġet tul dawn l-aħħar ħdax-il sena. Is-CD il-ġdid irrekordjat fl-1 ta’ Ġunju, jinkludi tlettax-il marċ brijuż u ż-żewġ innijiet li ta’ kull sena jiġu nklużi fis-CD tal-marċi tal-festa: l-innu marċ ‘Lill-Kbir Martri San Ġorġ’ ta’ Ciappara u l-innu ‘La Stella’ ta’ Giardini Vella. Fit-tlettax-il marċ irrekordjati nsibu taħlita ta’ marċi ġodda u marċi li nħarġu mill-arkivju tas-Soċjetà ‘La Stella’. Dawn il-marċi ser jiżżanżnu fit-tieni dimostrazzjoni, minn erbgħa, fl-ewwel jum tat-Tridu, bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Il-lista ta’ marċi brijużi li nsibu fis-CD il-ġdid huma dawn:

MARCHE MILITAIRE – Joseph Vella
CELEBRATION – Mario Galea
50 SENA BAŻILIKA – George Borg
GEORGIUS – Sunny Galea
ST GEORGE 2008 – Emanuel Bugeja
SPANRIX – Andrew Coleiro
VERY PLEASANT – Joseph Sammut
POP GOES THE WEASEL – Joseph Abela Scolaro
NINA – Anthony Aquilina
40 SENA TEATRU ASTRA – Joe Galea
EWFORIJA – David Agius
MORENA – Vincenzo Ciappara
13 TA’ SETTEMBRU 1947 – Joseph Azzopardi
LILL-KBIR MARTRI SAN ĠORĠ – Vincenzo Ciappara
INNO ‘LA STELLA’ – Giuseppe Giardini Vella

F’din il-lista ta’ marċi nsibu ħames marċi ġodda mill-pinna ta’ Mario Galea, George Borg, Sunny Galea, Joseph Sammut u David Agius, filwaqt li l-marċi l-oħra lkoll inħarġu mill-arkivju tas-Soċjetà. Bla dubju ma jonqosx ta’ kull sena marċ mill-pinna tas-surmast direttur tagħna Joseph Vella. Għal din is-sena ġie magħżul il-marċ popolari tiegħu ‘Marche Militaire’.

Għall-qoxra tas-CD ġiet magħżula l-pittura ta’ San Ġorġ, ta’ Robert Caruana Dingli, li tinsab maġenb it-titular fil-knisja parrokkjali tal-Munxar. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li qed tiġi magħżula pittura ta’ San Ġorġ minn knejjes parrokkjali f’Għawdex, għas-CD tal-banda, wara dik tal-parroċċa taż-Żebbuġ u tal-Fontana. Wieħed jista’ jsib tagħrif interessanti fuq din il-pittura, miktub mill-artist Mark Sagona, ġewwa l-qoxra tas-CD. Id-disinn tal-qoxra sar għal darb’oħra minn Michael Formosa, b’ritratti ta’ Joe Attard.

Wieħed irid isemmi li dan huwa r-raba’ CD li ser jinħareġ mill-banda ‘La Stella’ din is-sena. Fil-fatt qabel dan is-CD, il-banda ħarġet CD ieħor ta’ marċi funebri, CD b’innijiet ta’ San Pawl (fuq inizzjattiva tal-parroċċa tal-Munxar) u CD b’innijiet ta’ San Lawrenz (fuq inizzjattiva tal-parroċċa ta’ San Lawrenz). Is-sett ġdid ta’ marċi brijużi jidher li ntlaqa’ tajjeb ħafna u l-bejgħ tas-CD’s miexi tajjeb. Is-CD ‘Gozo’s Patron Saint’ jista’ jinxtara mill-każin tal-banda ‘La Stella’ għall-prezz ta’ € 12.

25/06/2008