Join Us On:

News Archive

GĦADA JIFTĦU L-FESTI ESTERNI TA’ SAN ĠORĠ TAL-2015

Għada jiftħu l-festi esterni ta’ San Ġorġ tal-2015 fil-Belt Victoria.  L-ewwel attività se tkun l-ikla tal-festa ġo Pjazza San Ġorġ.  Ejjew u inqgħaqdu magħna għal dan l-avveniment annwali fejn nieħdu gost f’atmosfera ta’festa u briju filwaqt li nkunu qegħdin ngħinu. Biljetti mingħand il-Bar tal-Każin La Stella, Vajringa Supermarket, Ta’ Salvina Discount Store jew membri tal-Kumitat.  S’issa ġa qegħdin numru sabiħ ibbukkjati.  Se jkun hemm ukoll The Tramps.

DSC_0073

Imbagħad kuljum jibda jkollna xi attivitajiet marbuta mal-festa kemm dawk fuq barra, kif ukoll dawk ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Il-Ħadd pereżemju se jkun hemm tmiem in-Novena. Dawk li forsi ma setgħux jattendu il-jiem ta’qabel tkun ħaġa sabiħa li l-Ħadd jattendu l-aħħar jum.

DSC_0130 DSC_0005 DSC_0014_stitch

Mit-Tnejn inkomplu bit-tiġrijiet taż-żwiemel fis-7.30pm taħt id-dawl artifiċjali, l-ewwel waħda organizzata f’dan il-ħin b’suċċess kbir ġo Għawdex fejn numru kbir ta’ Maltin jaqsmu l-fliegu apposta.  Fl-istess ħin ikollna wkoll l-kunċert finali u grandjuż tal-VIAF bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.  Il-Kunċert jibda fit-8pm.

L-Għada t-Tlieta  jkollna l-marċ hekk magħruf “taċ-Ċawla” u dritt wara toħroġ l-istatwa ta’ San Ġorġ, kapulavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi l-ewwel statwa titulari f’Għawdex (1839).  Aktar tard ċelebrazzjoni ta’ xhieda Kristjana fil-Bażilika organizzata mill-grupp 23four għaż-żgħażagħ.  Fid-9.30pm tibda d-dimostrazzjoi bl-istatwa ta’ San Ġorġ xogħol ta’ Austin Camilleri.

L-Erbgħa jibda t-tridu solenni li din is-sena se jkun fdat f’idejn Mons. Joseph Sultana, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Għarb.  Fl-10pm tibda d-dimostrazzjoi popolari bl-istatwa ta’ San Ġorġ taż-Żiemel, xogħol ta’ Alfred Camilleri Cauchi.

DSC_0018 DSC_0031

Il-Ħamis, fi tmiem id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex, xogħol Michael Camilleri Cauchi, se jkun hemm spettaklu awdjo-viżiv fuq San Ġorġ ġo Pjazza Savina.

Il-Ġimgħa bħas-soltu jkollna d-dimostrazzjoni tat-tielet Jum tat-Tridu bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, xogħol ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex (1894).  Fid-9.15pm fi Pjazza San Ġorġ il-Banda Ċittadina La Stella se teżekwixxi l-Ewwel Innu L-Kbir ta’ Għawdex (1894) Su Garzoni bil-parteċipazzjoni tal-Kor Piccole Stelle.  Il-Banda tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella u l-Kor taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai.

DSC_0017 DSC_0031_stitch

Is-Sibt, il-Banda tagħna tilqa l-Mons Isqof Mario Grech qabel it-Translazzjoni Solenni u imbagħad teżegwixxi l-Innu l-Kbir A San Giorgio Martire (1931) fi Pjazza San Ġorġ fid-9.30pm.  Aktar tard jibda l-marċ kolossali mal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta ġewwa Triq ir-Repubblika u dritt wara spettaklu pirotekniku fl-istess triq organizzat mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.

DSC_0046 DSC_0042_stitch

Jum il-festa naturalment jilħaq il-qofol ta’ dawn il-jiem importanti tas-sena. Is-sehem tal-Banda tagħna  jibda filgħaxija b’marċ qasir mill-Każin fejn imbagħad isib postu fuq il-planċier ġewwa Pjazza San Ġorġ bil-lest għall-ħruġ tal-istatwa fil-bieb tal-Bażilika f’atmosfera ta’ briju, devozzjoni u glorja, bil-kant tal-innijiet uniċi bħal Georgius natus est (1984) tal-Prof. Vella, l-innu l-kbir u l-innu marċ Lil Kbir Martri San Ġorġ (1952) ta’ Vincenzo Ciappara.

Dawn l-imsemmija huma biss xi appuntamenti marbutin mal-Banda tagħna, pero l-programm jinkludi ħafna aktar.  Idħlu f’dan il-link għad-dettalji kollha.

Ta’ min isemmi li din is-sena, minbarra l-parteċipazzjoni kontinwa tal-Banda Ċittadina La Stella għandna wkoll disa’ baned mistednin – ħamsa minnhom Maltin.  Dawn huma:

  • It-Tlieta – Banda Ite ad Joseph (Qala)
  • L-Erbgħa – Banda Santa Margerita (Sannat)
  • Il-Ħamis – Banda Prekursur (Xewkija), Banda Santa Katerina (Żurrieq)
  • Il-Ġimgħa – Banda Aniċi (Qormi – San Ġorġ)
  • Is-Sibt – Banda King’s Own (Il-Belt Valletta)
  • Il-Ħadd (filgħodu) – Banda San Ġorġ (Qormi), Banda San Mikiel (Ħaż-Żabbar)
  • Il-Ħadd (filgħaxija) Banda Mnarja (Nadur)

(Ritratti: Mario Casha)